Is-sit ta’ One.Com.Mt għadha kif xandret din l-aħbar. Lifeguards li kienu fuq xogħol fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa intervjenew b’mod immedjat biex isalvaw ħajjet tifel ta’ sitt snin li kien f’diffikultà fil-baħar. L-inċident seħħ qrib il-moll taħt l-istabbiliment tal-ikel District 5, ‘metri ‘l bogħod miż-żona uffiċjali għall-għawm.
Skont informazzjoni li kiseb ONE News, il-lifeguards lemħu tifel wiċċu l-isfel fil-baħar u niżlu mill-ewwel biex jgħinuh. Malli tellgħuh fuq il-moll, irriżulta li t-tifel ma kienx qed jieħu nifs. B’ħeffa u b’kuraġġ, bdew jagħtuh l-ewwel għajnuna fuq il-post permezz tal-CPR. Ftit tal-ħin wara wasal ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei biex jassisti fis-sitwazzjoni.
Xhieda fuq il-post irrappurtaw li wara ftit, it-tifel reġa’ beda jieħu n-nifs waħdu, iżda kien għadu mitluf minn sensih. Huwa ttieħed l-isptar permezz ta’ ambulanza b’attenzjoni medika kontinwa.
S’issa, il-kundizzjoni tiegħu għadha mhix stabbilita b’mod uffiċjali, iżda qed jiġi rrapportat li jinsab f’qagħda kritika. L-awtoritajiet qed isegwu l-każ u mistennija joħorġu aktar dettalji fil-ħin li ġej.
Facebook / One.com.mt