Fuq il-midja soċjali, il-Malta Police Association (MPA) żvelat li tinsab “ferm imħassba għat-tħabbir tal-attivitajiet relatati mal-Milied 2020 ‘Christmas in the City.’” L-MPA kienet ħadet l-istess pożizzjoni dwar attivitajiet pubbliċi oħra bħal Notte Bianca.
“L-MPA temmen li l-pandemija għadha magħna u pajjiżi Ewropej oħra qegħdin iħassru kull attività minn issa sal-aħħar ta’ din is-sena bħala prekawzjoni u għalhekk ma jidhirx li huwa għaqli li dawn l-attivitajiet jiġu promossi u inkoraġġuti f’pajjiżna,” ġie miktub fuq il-paġna ta’ Facebook.
“L-MPA ma tidħolx fil-mertu ekonomiku iżda tidħol fejn hemm is-saħħa tal-Pulizija. Attivitajiet simili jirrikjedu l-preżenza tal-Pulizija biex tinżamm l-ordni u l-paċi pubblika u dan b’riskju lejn saħħet l-istess Pulizija u l-familji tagħhom.”
“Infakkru li anki l-awtoritajiet tas-saħħa, fosthom l-Onor. Deputat Prim Ministru qegħdin iħeġġu l-popolazzjoni sabiex dan il-Milied, jevitaw gemgħat, anki tal-istess familja.” X’taħseb dwar din l-istqarrija? Iktbilna fil-kummenti.