“Ma Mittx Bil-Kanċer, Iżda Xorta Nħossni Mejta Minn Ġewwa.” – Ingrid Sammut

F’kitba li laqtet lil ħafna, Ingrid Sammut fetħet qalbha dwar il-prezz kbir li ħallset wara t-trattament tal-kanċer. Bil-kliem tagħha, imħallat b’uġigħ u diżappunt, Ingrid tispjega kif il-ġisimha sar "kamp ta’ battalja", mhux biss kontra l-marda, imma wkoll kontra l-konsegwenzi tat-trattament li kellu jsalvaha.

Ittrattaw ġismi bħal kamp ta’ battalja. Inħossni bħal dawk il-Palestinjani li jirritornaw lejn Gaza, biex isibu kollox meqrud. Qiegħda nimxi fuq l-irmied ta’ ġismi stess, bħallikieku għaddiet gwerra u ħalliet biss meqrud warajha."

Ingrid tgħid li, għalkemm ma mietitx bil-kanċer, ma tħossx li għadha l-istess persuna. "Ma mittx bil-kanċer, imma nħossni mejta minn ġewwa. Kull ġog, kull għadma, kull muskolu jugħġawni lejl u nhar. Ma nistax inqum minn fuq il-lożor mingħajr uġigħ."

Hi tiddeskrivi kif il-kimoterapija, taħlita ta’ ħames mediċini tossiċi, ħallietha b’effetti devastanti: reazzjonijiet allerġiċi, ormoni mitfugħin f’kaos, uġigħ fl-għadam, u anke alluċinazzjonijiet minħabba l-opjojdi li kienu suppost jgħinuha tgħaddi mill-proċess.

"Xejn ma kien meqjus serju biżżejjed biex jibdlu t-trattament. Lanqas aċċessjoni epilettika. Kelli nobdi l-protokoll, ikun xi jkun." Biex iżżid mal-kruha tas-sitwazzjoni, Ingrid tgħid li n-nerv tax-xatka tagħha nqata’, u issa tgħix b’sieq paralizzata u b’uġigħ li tiddeskrivih 'bħal kurrent elettriku'.

"Wara 14-il ċiklu brutali, bagħtuni d-dar, immarkata bħala ‘suċċess’, u tħallejt immut bil-mod, b’uġigħ bla isem u bla fejqan."

L-effetti ma waqfux hemm. Ingrid tgħid li issa l-vista tagħha qed tmur għall-agħar, u lanqas id-dawl ma tiflaħ iżjed. Madankollu, tobba differenti jibqgħu jgħidu li mhux tort tal-kimoterapija, u minflok jibagħtuha minn konsulent għall-ieħor, 'bħal file' li ħadd ma jrid jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu.

Facebook / Ingrid Sammut

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI