“Mela Ibqa’ Miexi U Ħalli T-Tpeċlieq Jintilef Mar-Riħ” – Clifford Galea

Hemm kitbiet li, minkejja s-sempliċità tagħhom, jolqtu nerv sensittiv għax jirriflettu realtà li ħafna nies jgħixu kuljum. F’post riċenti fuq il-midja soċjali, Clifford Galea qasam riflessjoni qasira dwar il-ġudizzju kontinwu li wieħed jista’ jiltaqa’ miegħu, irrispettivament minn kif jagħżel li jkun jew iġib ruħu.

Il-messaġġ tiegħu juri kif, f’għajnejn ċerti nies, xejn mhu biżżejjed u xejn mhu tajjeb. Jekk tirsisti u tipprova tlaħħaq ma’ kollox, jingħadlek li qed tagħmel wisq. Jekk toqgħod lura, tkun akkużat li mhux tagħti kontribut. Tidħaq u tiċċajta ftit, u ssir “moħħ ir-riħ”. Tkun serju, jgħidulek li “tkabbart”. Tkun onest, dejjem “l-istess kantaliena”. Tfaħħar, u jsiru jgħidulek li qed “tilgħaq”. Titkellem, u tispiċċa “tingħi”.



Ma’ dan kollu jżid ukoll dak li ma jingħadx bil-kliem, ħars bl-ikrah, atteġġjamenti kesħin, u kummenti li jniggżuk mingħajr ma tkun taf x’għamilt. Sitwazzjonijiet li ħafna drabi jħallu lill-bniedem jistaqsi lilu nnifsu x’għamel ħażin, jew jekk jistħoqqlux iġorr dan il-piż kollu.



Il-post ma jieqafx fuq ilment jew rabja, iżda jdur lejn stedina għal riflessjoni personali. “Let’s go”, jikteb Galea, mhux bħala indifferenza, imma bħala sejħa biex nieqfu ftit u naħsbu. Il-mistoqsija ċentrali li jqajjem hija waħda sempliċi iżda profonda, int kuntent b’ħajtek u kif timxi man-nies ta’ madwarek?



Jekk it-tweġiba hija iva, forsi m’hemmx għalfejn iġġorr il-piż ta’ kull kelma jew ġudizzju li jiġi minn barra. Jekk it-tweġiba hija le, forsi dak huwa l-mument li wieħed jerġa’ jħares lejn il-mod kif qed jgħix u mhux lejn dak li jgħidu n-nies.

Il-konklużjoni tal-messaġġ hija ċara u liberatorja, ibqa’ miexi, kun fidil lejn min int, u ħalli t-tepċlieq jintilef mar-riħ. F’soċjetà li spiss tgħaġġel biex tiġġudika, kliem bħal dan iservi ta’ tfakkira li l-paċi tagħna stess għandha tiġi qabel l-opinjonijiet ta’ ħaddieħor.

Ritratti:

Facebook / Clifford Galea

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI