Il-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Fleur Abela, qasmet storja personali u emozzjonanti dwar il-kelb tagħha Argo, li adottatu mill-Animal Welfare Malta sentejn ilu. F’messaġġ li tellgħet fuq il-midja soċjali, Abela spjegat kif l-adozzjoni ta’ Argo mhux biss bidlet il-ħajja tal-kelb, iżda wkoll tagħha.
“Meta adottajtu mill-Animal Welfare Malta, qatt ma bsart kemm kien se jbiddel ħajti għall-aħjar,” kitbet. Hija rrakkuntat kif Argo akkumpanjaha f’diversi kapitli importanti ta’ ħajjitha. Il-kelb mar magħha minn Malta għal Franza, għex magħha hemmhekk, żar diversi pajjiżi oħra u eventwalment reġa’ lura magħha lejn Malta.
Abela saħqet li kieku ma kienx għal Argo, probabbilment ma kinitx issib is-sodisfazzjon li tgawdi llum. Żiedet ukoll li l-esperjenza tagħha miegħu kienet waħda mir-raġunijiet li wassluha biex issir Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Minkejja li Argo huwa kelb reattiv li jirrikjedi ħin, paċenzja u impenn, hija qalet li tana ħafna aktar milli qatt setgħet timmaġina. “Tani sens ta’ kalma, lealtà u responsabbiltà, u fakkarni kuljum li kull ħajja tgħodd,” stqarret.
Permezz tal-istorja tagħha, Fleur Abela appellat biex aktar nies jikkunsidraw l-adozzjoni tal-annimali, filwaqt li enfasizzat li hemm ħafna annimali li għadhom qed jistennew opportunità għal dar sigura u familja li tħobbhom. “L-adozzjoni mhux biss tibdel il-ħajja tagħhom, tista’ tbiddel tiegħek ukoll,” sostniet.
Abela qalet li hi u Argo ilhom jgħixu din l-avventura flimkien għal sentejn, u esprimiet it-tama li jkomplu jaqsmu ħafna aktar mumenti flimkien fil-futur. Hija żiedet li li tara lil Argo ferħan illum, meta seta’ baqa’ maqful ġo gaġġa, ifisser kollox għaliha.
Fl-għeluq tal-messaġġ tagħha, il-Kummissarju enfasizzat l-importanza tal-kompassjoni lejn l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà, inklużi l-annimali. “Soċjetà titkejjel ukoll minn kif tittratta lill-aktar vulnerabbli. Ejjew nibqgħu nagħżlu l-kompassjoni, ir-responsabbiltà u l-imħabba,” qalet.
Hija temmet b’riflessjoni li laqtet lil ħafna segwaċi tagħha: “Xi kultant, meta ssalva annimal, tispiċċa li hu jkun salva lilek.”
Facebook / Fleur Abela