“Meta Kienu Ġriewi Kienu Jħallsu Mijiet Għalihom, Illum Ħadd Ma Jridhom” – Rex U Scrappy Għadhom Qed Jistennew Dar

Sejħa għall-għajnuna qed issir għal Rex u Scrappy, żewġt iklieb tar-razza Malinois ta’ madwar erba’ snin li bħalissa qed ifittxu familja ġdida li lesta tagħtihom l-attenzjoni u l-impenn li għandhom bżonn. F’post li xxandar fuq il-midja soċjali, intqal li minkejja li l-Malinois huma klieb li ħafna jkunu lesti jħallsu mijiet ta’ ewro għalihom meta jkunu ġriewi, Rex u Scrappy ftit li xejn qed jiġbdu interess għall-adozzjoni.

It-tnejn huma deskritti bħala klieb intelliġenti u mimlijin enerġija, iżda minħabba n-natura tar-razza tagħhom għandhom bżonn struttura, eżerċizzju, paċenzja u, fuq kollox, persuna li għandha l-esperjenza jew hija lesta tifhem sew il-bżonnijiet tagħhom. Rex bħalissa jinsab fix-xelter. Skont dawk li qed jieħdu ħsiebu, imur tajjeb ma’ klieb oħra u qed jagħmel progress tajjeb ħafna fir-reattività tiegħu.

Is-sitwazzjoni ta’ Scrappy, iżda, hija aktar urġenti. Bħalissa jinsab fostered, iżda mhux qed imur tajjeb mal-kelb tal-familja li qed iżżommu. Barra minn hekk, b’tarbija mistennija tasal fil-familja, jeħtieġ li tinstablu dar oħra mill-aktar fis possibbli. Sabiex tingħata aktar għajnuna lil min ikun ġenwinament interessat fl-adozzjoni, trainer mill-Working Dogs Academy offra wkoll sessjoni ta’ taħriġ b’xejn meta jinstab persuna jew familja potenzjali, partikolarment minħabba li għandu esperjenza ma’ din ir-razza.

“Jistħoqqilhom ħafna aktar minn ħajja f’xelter,” kien l-appell li sar, hekk kif il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ jaqsam il-messaġġ sabiex Rex u Scrappy jkollhom ċans akbar li jsibu d-dar adattata għalihom. Kull min huwa interessat huwa mħeġġeġ jagħmel kuntatt mal-persuni li tellgħu l-appell oriġinali għal aktar informazzjoni dwar l-adozzjoni.

Ritratti:

Facebook / Ivona Ivanoska

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI