Malta Se Tirċievi €3.7 Miljun Mill-Unjoni Ewropea Wara L-Ħsarat Li Ħalliet Il-Maltempata Harry!

Malta se tibbenefika minn għajnuna finanzjarja ta’ €3.7 miljun mill-Unjoni Ewropea sabiex tgħin fl-irkupru mill-ħsarat ikkawżati mill-maltempata Harry, li laqtet lill-Gżejjer Maltin f’Jannar li għadda. Din l-għajnuna ġiet approvata mill-Parlament Ewropew illum l-Erbgħa, bħala parti minn pakkett finanzjarju ta’ madwar €489 miljun li se jitqassam bejn erba’ pajjiżi Ewropej li ntlaqtu minn maltempati qawwija u għargħar matul l-ewwel xhur tal-2026.

Id-deċiżjoni ġiet approvata b’651 vot favur, 17 kontra u 3 astensjonijiet, bil-fondi ġejjin mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea. Mill-€3.7 miljun allokati għal Malta, diġà tħallsu €931,014 bil-quddiem sabiex jgħinu fil-ħidma ta’ rkupru wara l-maltempata.

Il-fondi jistgħu jintużaw għal diversi interventi importanti, fosthom it-tiswija u r-restawr ta’ infrastruttura essenzjali bħat-toroq, is-sistemi tal-ilma, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni. L-għajnuna tista’ tkopri wkoll operazzjonijiet ta’ tindif, servizzi ta’ salvataġġ u miżuri għall-protezzjoni tal-wirt kulturali.

Minbarra Malta, l-Italja se tirċievi €74.9 miljun wara l-ħsarat ikkawżati mill-istess maltempata, filwaqt li l-Portugall u Spanja se jibbenefikaw minn €261.5 miljun u €149.1 miljun rispettivament, wara l-għargħar li laqat lil dawn il-pajjiżi. Il-Parlament Ewropew saħaq ukoll fuq l-importanza li l-Fond ta’ Solidarjetà jibqa’ jingħata finanzjament adegwat fis-snin li ġejjin, partikolarment fid-dawl tal-isfidi li qed joħolqu d-diżastri naturali.

Din l-għajnuna mistennija tkun ta’ sostenn għall-isforzi ta’ Malta biex tkompli tirkupra mill-konsegwenzi tal-maltempata Harry u tindirizza l-ħsarat li ħalliet warajha.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI