Fuq il-midja soċjali faċli ħafna naraw is-suċċessi ta’ ħaddieħor u nibdew inħossu li aħna waħedna qed nibqgħu lura. Il-preżentatur lokali Miguel Samuel għażel li jagħmel proprju l-oppost u jaqsam diversi affarijiet li din is-sena ma marrux kif kien ippjana. Fost l-oħrajn, Miguel żvela li s-sena li għaddiet beda kors ta’ Masters fl-Università ta’ Malta, iżda wara xahar iddeċieda li jieqaf minħabba li dak iż-żmien ma kienx qed iħossu tajjeb emozzjonalment.
Tkellem ukoll dwar btala tal-aħħar minuta li kien ippjana Londra mal-aqwa ħabiba tiegħu u li kien eċitat ħafna għaliha, iżda spiċċa qatta’ tlieta mill-erbat ijiem marid sew fil-kamra tal-lukanda.
Miguel semma wkoll kif xtara kamera ġdida u għalja biex jibda jagħmel aktar vlogs, iżda eventwalment sabha diffiċli biex jibqa’ konsistenti u waqaf. L-istess ġara bi pjanijiet oħra li kellu għal din is-sena. Kien wiegħed lilu nnifsu li se jgawdi s-sajf, iżda spiċċa qatta’ ħafna minnu ġewwa d-dar. Beda wkoll jagħmel kutra bil-granny squares biex tkun lesta sax-xitwa, iżda rnexxielu jlesti biss żewġ biċċiet.
Minn erba’ proġetti personali li kien ippjana li jaħdem fuqhom matul is-sena, irnexxielu jwettaq wieħed biss. Iżda proprju dawn l-affarijiet wassluh għall-messaġġ ewlieni tiegħu. “Tfakkira żgħira li sempliċiment għax qed tara lil kulħadd jiċċelebra s-suċċessi tiegħu, ma jfissirx li int qed tibqa’ lura,” kiteb Miguel.
“Ilkoll ikollna l-mumenti fejn l-affarijiet ma jirnexxux, sempliċiment mhux dejjem nippubblikawhom. Il-ħajja hija rebħ, telf, mumenti skomdi bejniethom u li terġa’ tipprova. Int sejjer tajjeb.” Messaġġ sempliċi iżda importanti, speċjalment f’dinja fejn fuq il-midja soċjali ħafna drabi naraw biss l-isbaħ mumenti ta’ ħajjet in-nies. Meta naraw biss is-suċċessi, il-vjaġġi, il-kisbiet u l-mumenti sbieħ ta’ ħaddieħor, faċli ninsew li wara kull profil hemm ukoll diżappunti, pjanijiet li jinbidlu u ġranet fejn xejn ma jmur kif mixtieq.
Għalhekk huwa importanti li fuq il-midja soċjali jkun hemm ukoll spazju għal din it-tip ta’ onestà u realiżmu. Mhux biex niffukaw fuq in-negattiv, iżda biex infakkru lil xulxin li ħajja normali mhijiex magħmula biss minn suċċessi.
Prosit Miguel ta’ din it-tfakkira tant ġenwina!
Instagram / Miguel Samuel