Fuq il-programm 'AWLA', Joey Digby jirrakkonta kif ta' 12-il sena ħa għall-ewwel darba f'ħajtu d-droga. Hu jirrikonoxxi li l-kurżità kienet ir-raġuni ewlenija li wasslitu sabiex jagħmel dan, filwaqt li jsemmi wkoll l-abbuż li iffaċja fi tfulitu li jistqarr li wkoll għen sabiex jaqa' fin-nassa tad-droga.
Joey jispjega kif il-vizzju beda jiggrava meta għadda minn ċerti episodji xejn feliċi fosthom meta tilef lil wieħed mill-eqreb ħbieb tiegħu minħabba s-suwiċidju. Fisser kif hekk kif beda jżid fid-doża tad-droga, beda jsofri wkoll mid-dipressjoni u hu wkoll beda jesperjenza ħsibijiet sabiex itemm ħajtu.
"Kont missejt il-qiegħ," jistqarr Joey, fejn jispjega kif f'dik il-ħabta kien qiegħed jippjana l-ġurnata meta se jagħmel suwiċidju. Hu jirrakkonta kif kien il-ħsieb t'ommu li żammu lura milli jagħmel dan, għaliex kien iddispjaċut mid-dulur li kien se jkollha tgħaddi minnu.
Intant, il-preżentatur ta' 'AWLA' Ronald Vassallo jispjega kif meta Joey avviċinahom sabiex jaqsam l-istorja tiegħu, huma saħansitra offrewlu l-benefiċċju li jagħmel dan b'mod anonimu. Madankollu, il-preżentatur jispjega li Joey xtaq jaqsam l-istorja tiegħu fil-miftuħ, bil-għan li jkun jista' jgħin persuni oħrajn li bħalissa qed jesperjenzaw ħsibijiet simili.
Joey fi kliemu appella lil kull min għaddej minn żmien diffiċli sabiex ifittex l-għajnuna minnufih, bħalma għamel hu tant li fil-fatt issa jinsab f'qagħda ferm aħjar u qed jieħu l-għajnuna li jeħtieġ.
'AWLA' jixxandar kull nhar ta' Tlieta fit-20:30 fuq l-istazzjon ONE.
Jekk inti jew xi ħadd li taf qed tiffaċja diffikultajiet ta' saħħa mentali jew qed ikollok ħsibijiet ta' suwiċidju, tista' tfittex l-għajnuna billi ċċempel fuq 1579.
ONE TV / AWLA