Intervistata waqt il-programm 'Bla Rispetti; Il-Fatti', l-eks parteċipanta ta' Big Brother Malta Claire Apap sostniet li temmen li kull personalità fuq il-midja soċjali għandu responsabbiltà li ma jippromwovix l-obeżità, għaliex tirrikonoxxi l-impatt negattiv li din tħalli fuq is-saħħa tal-bniedem.
F'dan l-isfond, Claire li għandha paġna soċjali fejn fiha titkellem fil-miftuħ dwar il-qagħda fiżika tagħha, stqarret li hi konxja li l-kontenut li ttella' jista' kultant jiġi interpretat bħala promozzjoni tal-obeżità. Spjegat li hu proprju għal din ir-raġuni li sikwit ittella' kontenut relatat ma' stil ta' ħajja ferm iżjed sana, bħal fost oħrajn meta tiffilmja lilha nfisha tagħmel l-eżerċizzju fiżiku.
Mistoqsija mill-preżentatriċi jekk qatt iffaċjatx diskriminazzjoni minħabba l-piż tagħha, Claire spjegat li għadha sal-lum il-ġurnata b'mod regolari tiltaqa' ma' kummenti miktuba minn persuni adulti fuq il-midja soċjali li jinsultawha minħabba din ir-raġuni. "Meta nara dawn il-kummenti, nistaqsi lili nnifsi: 'imma dawn adulti qed jiktbuhom?'" irrimarkat Claire.
'Bla Rispetti; Il-Fatti' jixxandar kull nhar ta' Tnejn fl-22:05.
TVMi / Bla Rispetti; Fatti