Wara li lbieraħ eluf ta’ studenti madwar Malta bdew jirċievu r-riżultati tal-eżamijiet tagħhom, Oliver Scicluna qasam messaġġ ta’ inkoraġġiment lill-istudenti u lill-ġenituri, filwaqt li appella biex ħadd ma jħalli riżultat wieħed jiddefinixxi l-futur ta’ tifel jew tifla.
Scicluna osserva kif għal xi studenti dan kien jum ta’ ferħ, filwaqt li għal oħrajn ġab miegħu diżappunt. Huwa sostna li wasal iż-żmien li l-kurrikulu edukattiv jiġi rivedut sabiex jaqdi aħjar il-bżonnijiet tal-istudenti kollha.
Filwaqt li faħħar il-ħidma tal-għalliema, tal-Learning Support Educators (LSEs) u ta’ dawk kollha involuti fl-edukazzjoni, enfasizza wkoll li l-ġenituri għandhom rwol kruċjali biex ikomplu jappoġġjaw lil uliedhom wara l-ħin tal-iskola. Żied jgħid li għandu jkun hemm bilanċ aħjar bejn il-ħajja skolastika u l-attivitajiet informali tat-tfal.
Scicluna qasam ukoll esperjenza personali mit-tfulija tiegħu. Spjega li beda l-iskola biss fil-Year 4 wara li qatta’ s-snin ta’ qabel l-isptar, u għalhekk kellu jaħdem darbtejn aktar biex ilaħħaq ma’ sħabu. Minkejja li qal li qatt ma kien student li spikka fil-primarja jew fis-sekondarja, baqa’ determinat li javvanza fl-istudji tiegħu, tant li aktar tard kiseb żewġ lawrji u master's.
Madankollu, huwa sostna li l-akbar tagħlim f’ħajtu ma ġiex mill-gradi akkademiċi, iżda mill-esperjenzi tal-ħajja u tax-xogħol. Fi tmiem il-messaġġ tiegħu, Scicluna ħeġġeġ lill-ġenituri biex ma jaqtgħux qalbhom minn uliedhom, filwaqt li enfasizza li kull tifel u tifla għandu l-potenzjal tiegħu u jasal fid-destinazzjoni tiegħu bil-pass tiegħu stess.
"Fl-aħħar mill-aħħar, mhux ir-riżultat ta’ eżami wieħed li jiddefinixxi l-futur tagħhom," temm jgħid.
Facebook / Oliver Scicluna