Bid-dmugħ nieżel minn għajnejha, Josephine li llum hi omm ta' żewġ ulied, tirrakkonta l-mument meta snin ilu saret taf li kienet tqila u missier it-tarbija kien offrielha l-pillola sabiex tagħmel abort.
L-omm tiftakar fil-kliem li kien tennielha missier it-tarbija li kienet qed iġġorr. "Kien qalli li kien ħa jkun diffiċli għalija billi jien ma kelli lil ħadd," tiftakar Josephine.
Illum li tħares lura, l-omm ta' 40 sena tħossha kburija li ħadet id-deċiżjoni sabiex twelled lit-tarbija tagħha. Tiftakar f'mumenti sbieħ fosthom meta rat lit-tarbija u meta semgħet it-taħbit ta' qalbha għall-ewwel darba permezz tal-ultrasound.
Josephine tirrikonoxxi li ma kienx faċli sabiex trabbi lil binha. "Kelli paga baxxa ħafna u allura kont batuta finanzjarjament... ġieli saħansitra għamilt tlett ijiem bil-ġuħ," tirrakkonta l-omm b'dieqa fejn issostni li dejjem tat prijorità lil binha.
L-omm irrakkontat din l-istorja mal-Life Network Foundation, hekk kif din l-għaqda se tkun qiegħda tagħmel maratona ġbir ta' fondi għada s-Sibt 28 ta' Novembru.
Josephine tistqarr li għażlet li taqsam l-istorja tagħha għaliex tixtieq li tgħin lil ommijiet oħrajn li jinsabu fl-istess qagħda li kienet hi sabiex jiksbu l-kuraġġ u d-determinazzjoni meħtieġa sabiex iwelldu lit-tarbija tagħhom. "Irridhom jiftakru li f'ġufhom għandhom ħajja," tenniet Josephine.
Facebook / Life Network Foundation