Għax-xahar ta' Awwissu, aħna ta' Gwida.mt tkellimna mat-taqsima tas-Social Work fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AAKK). Sezzjoni li hija tassew importanti u tagħmel tant u tant ġid. Aħna tkellimna magħhom biex niskopru ftit l-għan ewlieni tagħhom, x'tip ta' każijiet jiltaqgħu magħhom u kif is-social worker jista' jgħin.
Barra minn hekk, staqsejniehom ukoll min jista' jibbenefika minn dan is-servizz u x'hemm bżonn li wieħed jagħmel sabiex ikun jista' japplika. Skoprejna fatti interessanti li ma konniex nafu qabel u ċertament li anke int, speċjalment jekk għandek xi anzjani fil-familja, taf titgħallem xi affarijiet dwar dan is-servizz.
X’inhu l-għan tat-Taqsima tas-Social Work fi ħdan l-AAKK?
L-għan tas-servizz tas-Social Work huwa li jipprovdi sapport, gwida, u assistenza lill-persuni anzjani. Dan is-servizz jittratta każijiet soċjali, jipprovdi sapport lill-klijenti, jiżviluppa pjanijiet ta’ azzjoni, jipprovdi għajnuna f’każijiet ta’ kriżi, u jikkollabora kemm ma’ sptarijiet ġenerali kif ukoll ma’ dawk ġerjatriċi.
Dan is-servizz isegwi wkoll anzjani li jgħixu ġo Djar tal-Anzjani u li jkunu qed jiffaċċjaw problemi soċjali, filwaqt li jinvestiga wkoll allegazzjonijiet ta’ abbuż. It-taqsima tas-Social Work tikkoordina ma’ entitajiet varji, inkluż id-Dipartiment tas-Saħħa, il-Pulizija, Kunsilli Lokali, parroċċi, u organizzazzjonijiet oħra li jkunu f’pożizzjoni li jgħinu lill-klijenti. Dan isir sabiex jitfassal l-aħjar pjan skont il-ħtieġa.
X’tip ta’ każijiet tiltaqgħu magħhom?
Bħala Social Workers, l-għan prinċipali tagħna huwa li ngħinu u niffaċilitaw il-ħajja tal-anzjan fil-komunità. Isir assessjar kontinwu sabiex jiġi stabbilit jekk l-anzjan jistax jiġi megħjun u moqdi aħjar fil-komunità.
Il-problema tas-solitudni fl-anzjani hija problema li qed niltaqgħu magħha aktar ta’ spiss. Bħala social workers aħna niltaqgħu ma’ każijiet varji ta’ anzjani li jinsabu f’diffikultajiet emozzjonali, u f’dawn il-każijiet aħna naħdmu mill-qrib mal-anzjani u mal-familjari tagħhom sabiex ikunu jistgħu jegħlbu dawn id-diffikultajiet.
Niltaqgħu wkoll ma’ każijiet fejn ikun qed jiġi allegat xi abbuż. Dawn il-każijiet jiġu assessjati mis-social workers, fejn jiġu mitkellma kemm l-anzjani kif ukoll il-familjari tagħhom. Sabiex l-anzjani jieħdu l-aħjar servizz possibbli, is-social workers f’ħafna każijiet jaħdmu mill-qrib ma’ entitajiet oħra bħal entitajiet reliġjużi, organizzazzjonijiet fil-komunità u sptarijiet.
Niltaqgħu wkoll ma’ każijiet ta’ anzjani li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji. Hawnhekk ukoll, is-social workers jaħdmu mill-qrib mal-anzjani sabiex jaraw li l-bżonnijiet tagħhom qegħdin jiġu indirizzati.

Kif jista’ jgħinek is-social worker?
Is-social worker jintervjeni, isegwi u jgħin lill-klijenti u lill-maħbubin tagħhom jindirizzaw is-sitwazzjonijiet diffiċli b’mod kostruttiv. L-għan tas-social worker huwa li jsaħħaħ lill-klijenti billi jgħinhom jibnu attitudni pożittiva.
Fejn ikun hemm bżonn, is-social worker ifittex l-għajnuna ta’ servizzi professjonali u aġenziji sabiex jittratta l-problemi bl-aktar mod effettiv, filwaqt li jiżgura li l-benessere, is-sigurtà, u l-interessi tal-klijent jiġu dejjem imħarsa.
Min hu eliġibbli għas-servizz?
Kull min għandu 'l fuq minn 60 sena u qiegħed jiffaċċja problemi soċjali huwa eliġibbli li japplika. Sitwazzjonijiet ta’ problemi soċjali jinkludu anzjani li jgħixu waħedhom u li huma dipendenti, dawk li jkunu qed ibatu minn xi forma ta’ abbuż, dawk li qed ibatu minn dimenzja jew problemi konjittivi simili, kif ukoll dawk li qed jgħixu fi stat ta’ ansjetà u dwejjaq.
Qraba jew persuni oħra kkonċernati jistgħu wkoll japplikaw f’isem il-klijent; madankollu dan huwa servizz volontarju u s-social worker ma jistax jintervjeni mingħajr il-kunsens tal-klijent.

Kif nista’ napplika għal dan is-servizz?
Wieħed jista’ japplika għal dan is-servizz billi jidħol fil-websajt www.activeageing.gov.mt u jimla l-applikazzjoni onlajn. Wieħed jista’ wkoll iniżżel l-applikazzjoni minn fuq il-websajt, jimliha, u jibgħatha bil-posta lil Ċentru Servizz Anzjan, 3, Triq Żekka, Valletta VLT 1510, Malta. Wieħed jista’ wkoll imur hu personalment u jagħti l-applikazzjoni hemmhekk.
Għal min m’għandux aċċess għall-internet, jista’ jċempel Ċentru Servizz Anzjan fuq in-numru 2278 8800 sabiex jiġi ggwidat dwar x’għandu jsir. Persuna tista’ ukoll tagħżel li ċċempel dirett l-uffiċini tas-social workers fuq in-numru 2278 8442 sabiex tkun tista’ tagħmel kuntatt dirett magħhom. L-uffiċċju tat-Taqsima tas-Social Work fi ħdan l-AAKK, jinsab FXB Building, Triq l-Imdina, Ħal Qormi, u jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7 ta’ filgħodu sat-3 ta’ wara nofsinhar.
X’dokumenti wieħed jeħtieġ biex japplika għas-servizz tas-Social Work?
Jekk ikun hemm xi dokumenti oħra li jistgħu jgħinu lis-social worker ikollu stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni, bħal pereżempju ċertifikati mediċi jew dokumenti ta’ rilaxx mill-isptar, dawn ikunu siewja biex jitfassal pjan ta’ għajnuna speċifika għas-sitwazzjoni individwali.
