“Noti Mil-Loki Ta’ Big G’s” – L-Ispettaklu Ta’ Jamie Cardona Li Ħalla Lil Kull Min Attenda Bla Nifs Bid-Daħk!

L-artist Malti Jamie Cardona reġa’ tella’ spettaklu mill-aqwa u din id-darba b’xogħol li tassew ħasad lill-udjenzi. L-ispettaklu l-ġdid tiegħu, Noti Mil-Loki Ta’ Big G’s, qed jiġbed folol kbar hekk kif spettaturi qed jattendu bil-kbir għall-aktar produzzjoni riċenti tiegħu.

Oriġinarjament imniedi għal tliet serati biss, id-domanda kienet tant qawwija li kellhom jiżdiedu aktar dati biex jilqgħu għall-interess enormi tal-pubbliku.

L-istorja ddur ma’ lejl każwali fil-bar ikoniku Big G’s f’Paceville, u bl-istil uniku ta’ Jamie, l-ispettaklu jgħaqqad il-ħsibijiet, l-esperjenzi u r-realtajiet taż-żgħażagħ Maltin li jkunu qed ifittxu lejl ta’ divertiment, u dak kollu li jġib miegħu. B’taħlita ta’ umoriżmu, mużika u mumenti li anke jolqtu fil-laħam il-ħaj, Jamie jerġa’ juri l-kapaċità tiegħu b’mod awtentiku u kreattiv għall-aħħar.

L-ispettaklu qed jittella’ f’Dar il-Mediterran Għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, fejn Jamie fl-istess ħin qed iniedi l-EP ġdid tiegħu li jġib l-istess isem tal-ispettaklu. Minn lejl għal ieħor, is-serati kienu mibjugħa – xhieda ċara tat-talent u l-popolarità li aktar ma jmur dejjem qed tikber, speċjalment wara s-suċċess rekord tal-ewwel show tiegħu, Mid-Djarju Ta’ Student Fi Skola Tal-Knisja u r-rebħa ta’ Mużika Mużika bis-silta Stajna Konna Aħna.

Dawk li attendew qed jiddeskrivu Noti Mil-Loki Ta’ Big G’s bħala spettaklu brillanti u tassew divertenti – lejl mimli daħk, enerġija u mużika li tibqa’ miegħek. U għal min jixtieq jerġa’ jgħix l-esperjenza, il-kanzunetti mill-EP il-ġdid tiegħu jistgħu jiġu streamed fuq il-pjattaformi diġitali.

Jamie Cardona għal darb’oħra qed juri li jaf kif joħloq produzzjoni li mhux biss tilqa’ lill-udjenza, iżda tħalli impatt veru fix-xena lokali. Prosit tassew!







Ritratti:

Instagram / Jamie Cardona

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI