“Oqogħdu Attenti, Speċjalment Bit-Tfal” – Twissija Wara Esperjenza Kerha Fil-Bajja Tal-Għadira

Persuna li kienet qed tqatta’ l-ġurnata fil-Bajja tal-Għadira ħarġet twissija lill-pubbliku wara li sfat imweġġa’ minn ħuta tar-ramel, magħrufa li tinħeba taħt ir-ramel u li x-xewk tagħha jista’ jikkawża uġigħ qawwi.

Fil-messaġġ tagħha fuq il-midja soċjali, spjegat li dawn il-ħut ikunu moħbija fir-ramel u ħafna drabi jidhru biss għajnejhom. Meta wieħed imisshom jew jgħaddi minn fuqhom, jerfgħu x-xewk tagħhom u jistgħu jniggżu, u b’hekk idaħħlu velenu li jikkawża ħruq u uġigħ intens.

Il-persuna rringrazzjat lit-tim tal-First Aid tar-Red Cross li kien preżenti fuq il-post għall-għajnuna immedjata li ngħatatilha. Aktar tard marret ukoll fiċ-ċentru tas-saħħa, fejn ingħatat il-kura meħtieġa u krema biex tgħin fit-trattament. Ingħatat ukoll il-parir li, jekk iż-żona tibda tintefaħ jew issir ħamra, għandha terġa’ tfittex assistenza medika minnufih.

Fl-appell tagħha, ħeġġet lill-pubbliku biex joqgħod attent, speċjalment fejn ikun hemm tfal, hekk kif dawn il-ħut jistgħu jkunu diffiċli ħafna biex jintlemħu iżda kapaċi jikkawżaw korrimenti bl-uġigħ.

Jekk tinżel il-baħar f’żoni ramlija, dejjem huwa rakkomandat li timxi b’attenzjoni u, fejn possibbli, tuża żraben apposta għall-ilma biex tnaqqas ir-riskju ta’ ġrieħi minn ħlejjaq tal-baħar moħbija fir-ramel.

Ritratti:

Facebook / Malta, Photos, News & People

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI