Fuq il-paġna Up & Up With Faith omm Faith qasmet messaġġ emozzjonali fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, fejn tirrifletti fuq il-vjaġġ tal-maternità u l-imħabba bla kundizzjoni lejn uliedha, Faith u Theo.
Fil-kitba tagħha, hija qalet li sa minn qabel ma ħaddnithom għall-ewwel darba, indunat li biex tkun ommhom kellha ssir l-iktar verżjoni b’saħħitha tagħha nnifisha.
“Sa minn qabel ħaddantkom miegħi għall-ewwel darba indunajt li biex inkun ommkom irrid inkun l-iktar verżjoni b’saħħitha tiegħi. Bkejt u ttamajt u qtajt qalbi u erġajt ittamajt sakemm il-Mulej afdani bikom.”
Tkompli tikteb, “Qalbi ħarġet meta poġġewkom fi ħdani u f’dak il-mument wegħdtkom li akkost ta’ kollox u kontra kull ostaklu se nħobbkom u se nqum b’saħħti kollha biex nipproteġikom, nikkoreġikom, ingawdikom, u nitgħallem inkun omm tajba u eżemplari.”
Issemmi wkoll li l-irwol ta’ omm mhux faċli, hekk kif kultant ukoll tiżbalja, iżda sostniet li kull mument iwassalha biex tħobbhom aktar minn qatt qabel.
Temmet il-messaġġ tagħha b’ringrazzjament emozzjonali lil Faith u Theo, fejn qaltilhom: “Illum u għall-dejjem, grazzi u inħobbkom!”