Ċensina mill-programm Come Dine With Me Malta ġiet mistiedna fuq TVAM biex titkellem ftit dwar il-ħbiberija tagħha ma’ Fadi u l-ammirazzjoni li għandha lejn Burak.
Hi spjegat, “Qatt ma ħsibt li se nkun daqshekk popolari ta’ 81 sena. Jiena nżomm ruħi pożittiva, wara dik id-daħka hemm ħafna uġigħ imma dik jiena nżommha ġewwa u dejjem inżomm pożittiva għal ħaddieħor.”
Żiedet tgħid, “Qatt ma stennejt daqshekk kummenti mingħand in-nies, kulħadd iwaqqafni fejn immur u jgħiduli prosit għax għall-età li għandek imma jien dejjem ngħid mhux l-età. Il-ħajja trid tiġġidilha.”
Hi spjegat li minħabba li tqatta’ ħafna ħin waħedha, tgħaddi l-ħin billi minn nofsinhar ‘l hemm tara s-serje tat-Torok. Minn hemm saret taf bl-attur ta’ Burak u spjegat li tgħidx kemm bkiet għaliex fl-aħħar tas-serje l-karattru tal-attur imut.
Fuq l-intervista qalet li xi kultant tkellem profil ta’ Burak, “Jien qed inkellem wieħed jgħidli li hu Burak imma min hu ma nafx iżda jien għalija qisni qed nitkellem miegħu.” Spjegat li telgħulha bosta profili falzi ta’ Burak u ħafna minnhom ħassrithom iżda hemm profil li ma talabx flus u għalhekk xi kultant tieħu pjaċir tkellmu ftit għalkemm mhix ċerta jekk dan hux Burak.
Tkellmet ukoll fuq il-ħbiberija li għandha ma’ Fadi, “Wara l-programm sirna close ħafna, jiena qisni n-nanna tiegħu u hu qisu n-neputi tiegħi, jieħu ħsiebi u jċempilli kuljum. Jgħidli l-lejl it-tajjeb kuljum, ġieli joħroġni niekol.”
Kemm għandha karattru pożittiv u sinċier din Ċensina!
Facebook / TVAM