Fis-sigħat bikrin ta' dalgħodu, ġewwa l-Knisja Parrokjali tal-Mosta, ingħatat l-aħħar tislima lill-attur u kittieb veteran Joe Gatt, li sfortuantament ħalla din id-dinja nhar il-Ġimgħa fl-età ta' 86 sena.
Joe matul ħajtu ħadem bi kbir b'risq id-drama Maltija; fil-fatt, il-pinna tiegħu tat il-ħajja lil għadd ta' produzzjonijiet Maltin fosthom 'Għeruq' kif ukoll 'Intriċċi'.
Matul il-karriera tiegħu, hu wkoll ħa sehem f'numru kbir ta' produzzjonijiet lokali. Għalkemm kien magħruf ma' eluf ta' telespettaturi Maltin għall-karattru ta' Charlie li kien jinterpreta fis-sensiela 'Simpatiċi', Joe kien ukoll parti mill-kast ta' sensiliet oħrajn fosthom 'Dun Benit', 'Min Hu Bla Ħtija' kif ukoll 'Il-Madonna Taċ-Ċoqqa'.
Żgur għaldaqstant li l-kontribut kbir li Joe Gatt ta b'risq ix-xena Maltija tal-ispettaklu se jibqa' mfakkar fost dawk il-ġenerazzjonijiet li kibru u għexu l-istejjer ta' ħajjithom jarawh fuq l-iskrins tat-televixin tagħhom jew inkella jgawdu xi produzzjoni li tkun issawret proprju bis-saħħa tal-pinna tiegħu.
Fost dawk li attendew il-funeral tiegħu dalgħodu, spikkaw kliem ta' tifħir dwar il-karattru sempliċi iżda umli, onest u fuq kollox, ġenwin li kellu Joe Gatt.
Facebook / Sean Chircop u Joe Gatt