Il-Kwistjoni tal-Lingwa tinvolvi perjodu notevoli tal-Istorja Maltija, u għalkemm din ilha li seħħet meta konna għadna bl-għonnella, jidher li qed terġa’ tissokta aktar minn seklu wara. Ħeqq, aħna ta’ Gwida.mt aħjar naraw x’qed jiġri, la issa qed jgħidu li l-lingwa li biha niktbu s-sit tagħna aħjar iżżarma u ddabbar rasha!
Facebook / Godfrey Leone Ganado
F’kumment rigward ir-riżultati tal-O-Levels, fejn inqas minn nofs dawk eżaminati rnexxielhom jiksbu l-kwalifiki għas-Sixth Form, telgħet fil-wiċċ il-proposta li l-Malti jitneħħa bħala suġġett obbligatorju fil-livell edukattiv sekondarju u saħansitra jibda jitqies bħala lingwa barranija. M’għandniex bżonn ngħidulkom aħna: il-polemika li qamet hija miżgħuda b’reazzjonijiet diversi.

Althea Troisi De Menville
Bosta kienu dawk li ħatfu l-opportunità sabiex jiddefendu mhux biss il-lingwa Maltija, iżda saħansitra l-pertinenza tagħha fi żmien id-dominju tal-Ingliż. Minn naħa, uħud saħqu li jekk inqisu l-Malti bħala barrani f’art twelidu, allura nkunu qegħdin “nidfnu” l-identità tagħna. Minn oħra, xi wħud ħadu rotta aktar lirika, fejn esprimew ruħhom permezz tal-poeżija.


Facebook / Bradley Cachia; Klara Vassallo
Barra minn hekk, il-paġna fuq Facebook Ġmiel il-Pinna Maltija, li tippromwovi l-lingwa nazzjonali, ukoll sabet appoġġ liema bħalu għaż-żamma tal-Malti bħala suġġett obbligatorju fl-iskejjel, b’99% jivvutaw Iva. Jidher allura, minkejja s-sentiment għaddej li l-Malti mhux siewi jew ta’ sugu, jeżisti daqstant sentiment bil-kontra, li jqis l-ilsien bħala karatteristika ewlenija tan-nazzjon.

Facebook / Ġmiel il-Pinna Maltija
U jekk il-Malti għalik xorta mhu utli għal xejn, għal tal-inqas swielek biex stajt taqra dan l-artiklu!
Wikipedia