Tħabbret Il-Mewt Tax-Xandar Malti Norman Hamilton Fl-Età Ta’ 85 Sena!

Tħabbret il-mewt tal-eks preżentatur televiżiv u veteran tax-xandir Malti Norman Hamilton, fl-età ta’ 85 sena. Hamilton twieled fit-28 ta’ April tal-1941 u beda l-karriera tiegħu fix-xandir fl-1961 bħala DJ mal-BFBS, l-istazzjon tar-radju tas-servizzi Ingliżi. Tliet snin wara mar jgħix l-Ingilterra, fejn ġie avviċinat mill-Malta House biex minn Londra jippreżenta l-programm tar-radju Għal Malta Minn Londra, li kien jixxandar dirett f’Malta permezz tar-Rediffusion.

Fl-1966 irritorna Malta u bejn l-1967 u l-1972 beda jippreżenta programm ta’ filgħodu fuq ir-Rediffusion. Fl-1973 kompla l-karriera tiegħu ma’ Radju Malta. Bejn l-1981 u l-1988, Hamilton serva bħala Kap tal-Programmi ta’ Xandir Malta. Kien ukoll wara programmi popolari bħal Sibtijiet Sajfin u Sibtijiet Xitwin, li eventwalment wasslu għal Sibtijiet Flimkien, l-ewwel programm maratona fuq it-televiżjoni Maltija li xxandar dirett.

Fl-1986 inħatar Chairman tal-Malta Song Festival, filwaqt li aktar tard nieda l-Malta International TV Song Festival. Tul il-karriera tiegħu ppreżenta wkoll programmi bħal Bla Aġenda u Aġenda. Hamilton serva wkoll bħala Kummissarju Għoli ta’ Malta fir-Renju Unit u bħala Chairman ta’ Festivals Malta, filwaqt li kien involut ukoll fis-settur turistiku permezz tal-kumpanija Hamilton Travel.

Norman Hamilton kien miżżewweġ lill-preżentatriċi Josette Grech Hamilton. Flimkien kellhom żewġt ibniet, Davinia u Yasmin, kif ukoll neputi. Kondoljanzi lill-familja u lill-qraba kollha tiegħu f’dan il-mument diffiċli. Strieħ fis-sliem, Norman. Grazzi tas-servizz tiegħek tul iż-żmien.

Ritratti:

Facebook / Norman Hamilton

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI