“20 Kilo Inqas… U Stil Ta’ Ħajja Aktar B’Saħħtu” – Charmaine Vella Taqsam Il-Vjaġġ Tagħha

Il-preżentatriċi tar-radju Charmaine Vella qasmet mas-segwaċi tagħha kisba personali li tinsab kburija ħafna biha. Sena wara li bdiet il-vjaġġ tagħha, Charmaine ħabbret li llum tiżen 20 kilo inqas.

Madankollu, għall-preżentatriċi dan il-vjaġġ kien ifisser ħafna aktar milli sempliċiment tnaqqis fil-piż. Hi spjegat li matul din is-sena ma waqfitx tgawdi l-ħajja, issiefer, toħroġ u tiċċelebra, iżda tgħallmet issib bilanċ u tgawdi kollox b’moderazzjoni.

"Illum, sena wara, jien 20 kilo inqas! Iżda dan il-vjaġġ kien dwar ħafna aktar milli sempliċiment li nitlef il-piż. Ma waqaftx ingawdi l-ħajja, bqajt noħroġ, nivvjaġġa, niċċelebra u kultant nagħti pjaċir lili nnifsi. Sempliċiment tgħallimt ingawdi kollox b’moderazzjoni u wara nerġa’ naqbad it-triq," kitbet Charmaine.

Hi sostniet li l-akbar sodisfazzjon tagħha ġej mill-konsistenza li żammet matul dan il-vjaġġ, aktar milli milli tkun perfetta f’kull pass. "Jien kburija bija nnifsi, mhux għax kont perfetta, iżda għax bqajt konsistenti u ma qtajtx qalbi. 20 kilo inqas… u stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu," kompliet tikteb.

Charmaine temmet il-messaġġ tagħha b’ħarsa ’l quddiem hekk kif għandha l-ħsieb li tkompli fuq dan il-vjaġġ u żżomm id-drawwiet li bniet matul din l-aħħar sena. Prosit lil Charmaine għall-perseveranza u d-determinazzjoni tagħha!

Ritratti:

Facebook / Charmaine Vella

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI