“Sakemm Nerġgħu Niltaqgħu, Inħobbok Dejjem” – Ħafna Maħsuda Bil-Mewt Taż-Żagħżugħ Caine Attard

Bosta qed jaqsmu d-diqa tagħhom għall-mewt ta’ Caine Attard, hekk kif ħbieb u qraba qed isellmu l-memorja tiegħu. Fuq il-midja soċjali qed jitwasslu diversi messaġġi ta’ sogħba wara l-aħbar tal-mewt taż-żagħżugħ Caine Attard. Fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu kien hemm il-ħabib tiegħu Bradley Park, li b’qalb maqsuma tkellem dwar il-persuna speċjali li kien Caine u l-vojt li ħalla warajh.

“B’qalbi tqila qed naqsam aħbar ta’ niket kbir. Tlifna lil xi ħadd tassew speċjali. Il-ħabib għażiż tagħna, Caine Attard, ħalliena,” kiteb Bradley. Huwa ddeskriva lil Caine bħala persuna li ġabet ħafna mħabba, daħk u dawl fil-ħajja ta’ dawk ta’ madwarha, filwaqt li qal li l-assenza tiegħu ħalliet vojt li diffiċli jiġi espress bil-kliem.

Il-familja ta’ Caine qed tistieden lil dawk kollha li kienu jafuh u jixtiequ jagħtuh l-aħħar tislima biex jingħaqdu magħha nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Settembru, fid-9:00 ta’ filgħodu, fil-Knisja tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb f’Paceville, viċin il-Millennium Chapel.

Bradley ħeġġeġ ukoll lil dawk li kienu jafu lil Caine biex jaqsmu l-memorji, l-istejjer u r-ritratti tagħhom tiegħu, filwaqt li rringrazzja lil kull min qed joffri mħabba, talb u sapport lill-familja f’dan iż-żmien tant diffiċli. “Sakemm nerġgħu niltaqgħu, inħobbok dejjem, ħija,” temm jikteb Bradley f’messaġġ emozzjonanti lill-ħabib tiegħu.

Il-kondoljanzi tagħna jmorru mal-familja, il-ħbieb u dawk kollha li kienu qrib Caine f’dan il-mument ta’ niket.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI