Welbee’s Supermarkets Se Jgħaddu F’Idejn Sidien Ġodda – Jintlaħaq Ftehim Bejn Iż-Żewġ Naħat

Żvilupp interessanti fis-settur tas-supermarkets f’pajjiżna! Kif irrapportat is-sit WhosWho.mt, BG Consumer & Healthcare Limited, li tifforma parti mill-grupp Francis Busuttil & Sons, ikkonfermat li daħlet fi ftehim sabiex takkwista l-katina ta’ supermarkets Welbee’s.

Madankollu, sabiex dan l-akkwist ikun jista’ jiġi ffinalizzat, għad hemm bżonn l-approvazzjoni tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), kif ukoll li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet marbuta mat-tranżazzjoni.

Ma’ WhosWho.mt, Kris Lanzon, f’isem BG Consumer & Healthcare Limited, saħaq li Welbee’s hija marka Maltija stabbilita bi storja b’saħħitha u b’bażi ta’ klijenti leali. L-għan tal-kumpanija hu li tkompli tibni fuq dak li nkiseb matul is-snin permezz ta’ investiment, innovazzjoni u enfasi fuq il-kwalità, il-prezzijiet kompetittivi u l-esperjenza tal-klijenti.

Ma naqasx milli jsemmi wkoll l-importanza tal-fornituri lokali u x-xewqa tal-kumpanija li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni magħhom. Ta’ min wieħed ifakkar li Welbee’s inħolqot mill-għaqda ta’ diversi supermarkets li kienu mmexxija minn familji Maltin, b’ġenerazzjonijiet ta’ esperjenza f’dan is-settur.

Jonathan Shaw, f’isem Hatten Advisory, irrimarka li jekk dan l-akkwist jiġi ffinalizzat, waħda mill-katini ewlenin ta’ supermarkets f’pajjiżna se tibqa’ f’idejn Maltin, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet ġodda sabiex tkompli tikber. Xi jfisser dan għall-klijenti ta’ Welbee’s fil-preżent? Għalissa, kollox se jibqa’ għaddej bħas-soltu. Sakemm l-akkwist jiġi ffinalizzat, iż-żewġ negozji se jkomplu joperaw b’mod separat u indipendenti.

Wieħed issa jistenna u jara x’se jkun il-pass li jmiss u x’se jsarraf dan l-akkwist, jekk jiġi approvat, għall-futur ta’ Welbee’s f’pajjiżna.

Ritratt:

Facebook / Welbee’s

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI