Se Tixtri Proprjetà? Qed Jitfassal Buyers’ Charter B’Aktar Drittijiet U Protezzjoni Għax-Xerrejja

Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa għal xahrejn u għandha twassal għal standards u aspettattivi aktar ċari għal min jixtri proprjetà residenzjali. Min ikun se jixtri dar jew proprjetà residenzjali jista’ fil-futur ikollu għodda aktar ċara biex ikun jaf x’inhuma d-drittijiet tiegħu u x’għandu jistenna matul il-proċess tax-xiri.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-Buyers’ Charter, inizjattiva li għandha tistabbilixxi prinċipji, standards u aspettattivi ċari għat-tranżazzjonijiet ta’ proprjetà residenzjali f’Malta. L-għan hu li jkun hemm aktar trasparenza u protezzjoni għall-konsumatur, partikolarment f’deċiżjoni finanzjarja li għal ħafna nies tkun fost l-akbar u l-aktar importanti ta’ ħajjithom.

“Meta persuna tixtri proprjetà, tkun qed tieħu deċiżjoni li tista’ taffettwa ħajjitha u l-familja tagħha għal ħafna snin,” qal il-Ministru Bonnici. Huwa spjega li x-xerrej għandu jkun jaf b’mod ċar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu, dak li għandu joqgħod attent għalih u x’passi jista’ jieħu jekk id-drittijiet tiegħu ma jiġux rispettati.

Il-Buyers’ Charter mistennija tibni fuq il-First-Time Buyers Guide li kienet introdotta mill-Awtorità tad-Djar is-sena li għaddiet. Madankollu, din id-darba l-inizjattiva mhux se tkun immirata biss lejn dawk li qed jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. Iċ-Charter għandha tkun rilevanti għal kull min ikun qed jixtri proprjetà residenzjali, irrispettivament mill-età tiegħu, l-istadju ta’ ħajtu jew ir-raġuni għaliex ikun qed jidħol fis-suq tal-proprjetà.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li l-għan hu li jinħoloq sett komuni ta’ prinċipji u aspettattivi għax-xerrejja kollha. Skont Zerafa, l-ambizzjoni hi li ċ-Charter issir “dikjarazzjoni nazzjonali” dwar dak li jitqies bħala prattika tajba fis-suq tal-proprjetà f’Malta.

Fil-proċess ta’ konsultazzjoni mistennija jipparteċipaw diversi atturi ewlenin fis-settur, fosthom żviluppaturi, aġenti tal-proprjetà, banek, periti, nutara u awtoritajiet pubbliċi. L-għan finali huwa li tinħoloq għodda waħda li tkun faċli biex tinftiehem u tintuża, filwaqt li tagħti informazzjoni dwar prattiċi tajbin, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tax-xerrejja u l-isfidi li wieħed għandu jkun konxju minnhom qabel jixtri proprjetà.

Il-Buyers’ Charter hija wkoll waħda mill-wegħdiet elettorali li l-Gvern qed jindirizza fl-ewwel 100 jum tiegħu. Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa għal xahrejn, u kull min jixtieq jista’ jressaq l-opinjoni u s-suġġerimenti tiegħu permezz tal-portal tal-konsultazzjoni pubblika tal-Gvern.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI