Infrastructure Malta ħabbret li, bħala parti mix-xogħlijiet li għaddejjin fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi fis-Siġġiewi, Triq l-Imqabba se tkun magħluqa kompletament għat-traffiku matul il-lejl tal-Ħamis 10 ta’ Settembru.
Ser tingħalaq fit-20:00 u tibqa’ għaddejja sal-05:00 tal-Ġimgħa filgħodu, 11 ta’ Settembru. Din il-miżura se tkun fis-seħħ għal dan il-lejl biss.
Skont l-informazzjoni ppubblikata, is-sistema tat-traffiku li hemm bħalissa terġa’ tidħol fis-seħħ mill-Ġimgħa filgħodu.
Infrastructure Malta appellat għas-sewwieqa biex jieħdu nota ta’ dan u rringrazzjat lill-pubbliku għall-kooperazzjoni u l-paċenzja tiegħu waqt li qed ikomplu x-xogħlijiet fiż-żona.