Claudette Buttigieg kitbet l-istorja tagħha fuq is-sit Independent.com.mt. 11-il sena ilu, saru jafu li t-tifla tagħhom kienet qed tbati minn kundizzjoni ta’ Dijabete Tip 1. Claudette tgħid li mill-programmi li kienet tagħmel kienet tgħallmet mhux ftit fuq is-sintomi ta’ Dijabete.
“Ħsibna li ħajjitna qatt ma kienet ser terġa tkun l-istess. Ħsibna li ser tkun sewda biss. Iffukajna fuq l-affarijiet li Kristina mhux ser tkun tista’ tagħmel. Ftit konna nafu x’konna ser nitgħallmu matul it-triq. Kollox beda f’Settembru 2009, Kristina kellha 6 snin, kienet tifla ħelwa bħall-oħrajn” tikteb Claudette.
L-Onor Buttigieg tirrakonta kif bdew jindunaw li Kristina bdiet tbiddel l-aptit. “Kienet tiġi tistaqsini biex tiekol għax kienet bil-ġuħ u tieqaf tiekol wara ftit gidmiet. Indunajt ukoll li kien ikollha ħafna għatx u kienet qed tħalli bottijiet tal-ilma kullimkien”.
Claudette u żewġha malajr ħadu azzjoni u ċemplu lit-tabib li dan kien ikkonfermalhom li kellha d-dijabete. Kristina spiċċat l-isptar. L-ewwel ftit ġranet għall-familja buttigieg kienu diffiċli, it-tifla tagħhom ma setatx tħalli l-isptar qabel jitgħallmu kif jiċċekjawlha d-demm tagħha (erba’ darbiet kuljum).
Illum id-dinja qed tfakkar il-ġurnata tad-dijabete u Claudette xtaqet tirringrazzja lit-tobba li ħadu ħsieb lil bintha. Ma żmien bdew jitgħallmu kif jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet għall-binthom. Illum Kristina hija tfajla indipendenti ta’ 17-il sena u qed tgħix ħajja normali bħal kull żagħżugħa oħra. Claudette tħeġġeġ biex il-ġenituri jieħdu azzjoni mill-ewwel.
Tista’ taqra l-artiklu oriġinali HAWN.