Sospiż Is-Servizz Tal-Kontenituri Blu – Il-Kunsilli Jwissu Biex Ma Jitħallewx Boroż Ħdejhom

Il-kumpanija li topera l-kontenituri blu għar-riċiklaġġ tat-tessuti f’Malta ssospendiet temporanjament is-servizz tal-ġbir, mingħajr ma tat spjegazzjoni uffiċjali għad-deċiżjoni. Ir-RefabLightBlue Partnership, li tmexxi din l-iskema ta’ riċiklaġġ, informat lill-kunsilli lokali bis-sospensjoni permezz ta’ avviżi mwaħħla direttament fuq il-kontenituri.

B’reazzjoni għal dan, diversi kunsilli lokali, fosthom dawk ta’ Ħal Kirkop u s-Siġġiewi, appellaw lir-residenti biex ma jħallux boroż jew tessuti maġenb il-kontenituri. Huma wissew li dan jista’ jitqies bħala rimi illegali tal-iskart, b’multi possibbli għal min jikser ir-regolamenti.

Għalissa, il-kontenituri blu se jibqgħu f’posthom u se jitneħħew biss f’każijiet partikolari, filwaqt li għadu mhux magħruf meta s-servizz se jerġa’ jibda jopera.

L-iskema tar-riċiklaġġ tat-tessuti kienet diġà ġibdet kritika fil-passat dwar in-nuqqas ta’ trasparenza, b’mistoqsijiet dwar x’jiġri mit-tessuti miġbura. Barra minn hekk, il-kontenituri spiss kienu qed jintużaw ħażin, hekk kif ħafna minnhom kienu jimtlew bi skart li ma kienx tessut jew kienu jispiċċaw ifuru minħabba l-ammont ta’ materjal li kien jitħalla fihom.

Ritratti:

Facebook / Kunsill Lokali Mqabba

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI