Kienu ħafna li stagħġbu li Raffaella Carrà għamlet ir-ritorn tagħha fuq Rai Tre, meqjus bħala stazzjon dgħajjef fl-udjenzi. Mhux biss iżda kien magħruf li Carrà għażlet li tmur fuq Rai Tre flok fuq xi stazzjon tal-Mediaset li magħhom hija kienet għaddejja bit-trattativi wkoll. A Raccontare Cominicia Tu hu programm li matulu Carrà, li llum tgħodd 75 sena, la tiżfen u lanqas tkanta. Tintervista biss.
Mhux faċli li għal siegħa u nofs sħiħa żżomm konversazzjoni sħiħa ma’ persuna waħda. Kien riskju kbir għal Raffaella li tagħmel dan ir-ritorn li seta’ falla, u jtemm għal kollox il-karriera tagħha. Ir-riskju għaliha kien ferm ikbar minn dak li ħadu r-Rai Tre li dejjem jissielet għall-udjenzi iżda wisq probabbli r-riżultati miksuba kienu ferm aktar milli kulħadd stenna.
View this post on Instagram
L-ewwel programm kien ma’ Fiorello, segwit minn dak ma’ Sophia Loren. Sitt programmi li matulhom Raffaella żewqet il-mistednin tagħha. Bil-kariżma tagħha, Carrà żammet id-diskussjoni għaddejja u mhux biss l-udjenzi kienu b’saħħithom iżda l-kummenti fuq il-mezzi soċjali kienu mill-aktar favorevoli.
Kulħadd ammira l-fatt li Raffaella ma’ waqgħetx fin-nasba ta’ ħafna storbju u sensazzjonaliżmu u kellha programm mexxej. Rai Tre wkoll ma kellux għalxix igerger għax sploda fl-udjenzi, indikazzjoni ċara li programm tajjeb jattira l-udjenzi, ikun fuq liema stazzjon ikun.
Dan l-istaġun ta’ A Raccontare Comincia Tu kien jikkonsisti f’sitt programmi u fost l-attrazzjonijiet kien hemm Maria De Filippi li bħalissa għaddejja bil-battibekki ma’ Milly Carlucci. De Filippi, sinonima mal-istazzjonijiet rivali Mediaset, ma qagħditx lura milli taċċetta l-invit ta’ Raffaella, x’aktarx biex anki tagħti risposta lil Carlucci talli kienet qalet pubblikament li De Fillipi kienet irrifjutat l-istedina tagħha biex tmur fuq il-programm Ballando con le Stelle. Skont De Filippi, hi qatt ma kellha stedina mingħand Carlucci jew mingħand xi ħadd mit-tim tagħha.
View this post on Instagram
Dan wassal biex tinħoloq aspettativa biex De Filippi tkun il-mistiedna ta’ Raffaella waqt il-programm tagħha, u ovvjament Carrà ma ddiżappuntatx. Issa jidher li hemm interess li jkun hemm it-tieni staġun ta’ A Raccontare Comincia Tu. Għalkemm ma ħareġ xejn uffiċċjali, wieħed ma setax ma jinnotax il-kummenti ta’ Raffaella Carrà stess meta qalet li kull min stiednet aċċetta għajr għal Roberto Benigni.
View this post on Instagram
“Minn jaf forsi kien xi ftit xettiku iżda wara li jara dawn il-programmi, forsi jbiddel fehimtu u jaċċetta li jħallini nintervistah għal waqt il-programmi li jmiss,” kienet ikkwotat tgħid.
Wara s-suċċess miksub minn Raffaella b’dan il-programm, ikun żball kbir minn-naħa ta’ Rai Tre li jħallu lil Carrà taħrabilhom minn taħt idejhom, u għalhekk hi kważi ċerta li Raffaella se tkun qed taħdem fuq aktar programmi fiż-żmien li ġej.
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.
Instagram / @raffaellacarrafanpage