The Nutcracker Iġib Il-Maġija Tal-Milied Fit-Teatru Manoel F’Diċembru Li Ġej

It-Teatru Manoel se jilqa’ lill-Moveo Dance Company għall-produzzjoni tal-klassiku tal-Milied The Nutcracker, li se tittella’ bejn is-6 u t-8 ta’ Diċembru 2026. Din il-produzzjoni se tgħaqqad il-mużika tant maħbuba ta’ Tchaikovsky maż-żfin kontemporanju, b’koreografija ta’ Dorian Mallia, id-Direttur Artistiku tal-Moveo Dance Company.

L-istorja ssegwi l-avventuri taċ-ċkejkna Clara, li tirċievi nutcracker misterjuż bħala rigal tal-Milied. Meta l-arloġġ idoqq nofsillejl, hija ssib ruħha f’dinja maġika fejn il-ġugarelli jieħdu l-ħajja u tibda avventura mimlija fantasija. Lara Mizzi u Kristie Pellicano se jaqsmu bejniethom l-irwol ta’ Clara, filwaqt li Zashaya Zammit se jinterpreta n-Nutcracker. Magħhom se jingħaqdu żeffiena professjonali u talenti żgħażagħ tal-Moveo Dance Company.

B’kostumi elaborati, xenarju mill-isbaħ u koreografija spettakolari, din il-produzzjoni twiegħed esperjenza maġika għall-familja kollha, proprju fiż-żmien tal-Milied. The Nutcracker se tittella’ fit-Teatru Manoel bejn is-6 u t-8 ta’ Diċembru. Għal aktar informazzjoni u biljetti, wieħed jista’ jżur www.teatrumanoel.mt.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI