Iż-żeffiena Maltin kisbu riżultati mill-aqwa waqt id-Dance World Cup 2026, l-akbar kompetizzjoni internazzjonali taż-żfin għat-tfal u ż-żgħażagħ, li din is-sena saret f'Dublin, l-Irlanda. L-avveniment laqqa' flimkien aktar minn 11,500 żeffien minn aktar minn 60 pajjiż differenti.
Team Malta spikka b'wirjiet ta' livell għoli, fejn il-grupp Acro Small Group kiseb il-ħames post fid-dinja bir-rutina impressjonanti Beautiful Chaos, ippreżentata minn Dance Project Studios. Il-koreografija kienet taħt id-direzzjoni ta' Ms Sabrina Wingfield u Ms Celine Azzopardi.

Suċċess ieħor wasal fil-kategorija Mini Commercial Large Group, fejn Team Malta kiseb is-sitt post, u kompla jikkonferma l-livell għoli taż-żeffiena Maltin fuq il-palk internazzjonali.
Barra minn hekk, aktar minn 20 rutina oħra minn Team Malta ġew fost l-aqwa 20 fid-diversi kategoriji tal-kompetizzjoni, fosthom Acro, Commercial, Ballet, Tap, Jazz u Lyrical. Ir-riżultati nkisbu f'kompetizzjonijiet ta' gruppi, solos, duos u trios.

Prestazzjoni oħra li tispikka kienet dik tal-Acro Large Group, li kisbet marka impressjonanti ta' 89.7 punti, konferma oħra tal-kwalità u d-dedikazzjoni taż-żeffiena u l-kowċis Maltin.
Dan is-suċċess huwa xhieda tat-talent, ix-xogħol iebes u l-impenn tal-komunità taż-żfin f'Malta, li għal darb'oħra rnexxielha tħalli marka b'saħħitha fuq il-palk dinji.
