“Ta’ 18-Il Sena, Dakinhar Li Ġejt Aċċettata Fl-Akkademja Tal-Pulizija, Sirt Naf Li Se Jkolli Tarbija” – Rachel

Meta Rachel kellha 18-il sena l-ħolma tagħha kienet li tidħol fil-Korp tal-Pulizija. Wara snin ta' studju, fl-istess ġurnata li ngħatat l-aħbar li ġiet aċċettata sabiex tibda tistudja fl-akkademja, saret taf li kien se jkollha tarbija.

Mal-Life Network Foundation, Rachel tispjega li l-aħbar kienet ħasdet b'mod partikolari lil ommha. Tirrakkonta kif dak iż-żmien kienet marret tfittex lil missier it-tarbija, billi huma kienu temmew ir-relazzjoni tagħhom xi ġimgħat qabel, iżda tirrimarka b'dispjaċir li min-naħa tal-missier ma sabet l-ebda appoġġ.

Rachel titkellem dwar l-isfidi li kellha tiffaċja matul id-disa' xhur ta' tqala. Kommossa tirrakkonta l-mument meta waslet sabiex twelled lit-tarbija tagħha u filwaqt li nisa oħrajn kienu akkumpanjati minn missier it-tarbija, hi minflok kellha lil ommha maġenbha.

Bi tbissima fuq fommha, Rachel b'sens ta' kburija ssemmi li llum il-ġurnata hi omm ta' tfajla li ħa tagħlaq 23 sena. "Għandi d-dinja biha", tisħaq l-omm li tirrikonoxxi li ma jiddispjaċihiex li kellha tgħaddi minn dawk l-isfidi kollha.

Mistoqsija x'inhu l-appell tagħha għal nisa oħrajn li jinsabu fl-istess sitwazzjoni li kienet hi meta kellha 18-il sena, Rachel tappella sabiex ħadd ma jaqta' qalbu u tenfasizza li llum il-ġurnata dan l-appell jagħmel ferm iżjed sens għaliex hawn organiżazzjonijiet sħaħ li huma lesti sabiex jagħtu l-għajnuna.

"Meta tħaddan it-tarbija miegħek, bl-imħabba li tħoss tibda tistaqsi lilek innifsek għalfejn kont qed tinkwieta daqshekk," ittemm tispjega Rachel.

Il-Life Network Foundation qasmet l-istorja ta' kuraġġ u determinazzjoni li għaddiet minnha Rachel, hekk kif ftit jiem oħra, proprju nhar is-Sibt li ġej, se jkunu qed iniedu maratona ġbir ta' fondi.

Ritratt:

Facebook / Life Network Foundation

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI