“Ta’ 8 Snin, Missieri Kien Għallimni Nagħmel L-Ewwel Oġġett Bil-Ħġieġ; Kont Għamilt Għasfur.” – Adam

Adam jaqsam is-sengħa tiegħu mal-paġna The People of Malta. Sengħa mill-isbaħ li ħafna Maltin u anke turisti jfittxu. Hu jibda billi jistqarr episodju li jiftakar mit-tfulija, “Ta’ 8 snin, missieri kien għallimni nagħmel l-ewwel oġġett bil-ħġieġ; kont għamilt għasfur. Wara għamilt fjura u naqra naqra dejjem tgħallimt iżjed.”

Hu jkompli, “Dan hu negozju tal-familja. Minn meta kont għadni tifel kont niġi hawn ma’ missieri u kien jinteressani x-xogħol tal-ħġieġ u bqajt ridt niġi hawn. Wara li spiċċajt l-iskola, mort nagħmel sena oħra studju, imma r-rieda tiegħi kienet li niġi naħdem hawn. Ġejt, tlaqt għal sentejn u mort nagħmel xogħol totalment differenti, imma l-ħġieġ baqa’ f’moħħi u saqajja lil hawn riedu jiġu. U erġajt ġejt lura.”





Adam iżid, “Dan hu n-negozju li bdieh iz-ziju tiegħi, fl-1979. Kompla missieri u issa hawn ġenerazzjoni oħra. Dejjem hawn konna, fil-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali. Jiena kont imħeġġeġ li nitgħallem, sa minn meta kont żgħir. Tant trabbejt fix-xogħol tal-ħġieġ, li anke meta niġi biex naħdmu, jibqa’ jagħtini s-sodisfazzjon.”

Ma’ dan hu jirrakkonta, “Dejjem hemm x’titgħallem u fil-ħġieġ, iktar u iktar. Hemm ħafna oġġetti li tista’ tikkrea u toħloq. Immaġinazzjoni jrid ikollok. U mhux kulħadd jaħdem bl-istess mod, fis-suġġett li jinħoloq, hemm id-daqqa tal-id tal-persuna li taħdmu. Xogħli nagħrfu. Jien għadni żgħir u għadni nibda u fadalli ħafna x’nitgħallem.”

Adam ikompli, “Imma għandi r-rieda li nitgħallem u nħares ‘il quddiem biex inkompli nikber fl-arti tal-ħolqien ta’ oġġetti magħmula mill-ħġieġ. Min ġie hawn, tgħallem magħna. L-importanti li jkollok ir-rieda u trid titgħallem. Din is-sengħa tirrikjedi ħafna attenzjoni. Il-ħin kollu taħdem f’temperaturi għoljin u għalina l-ġranet sħan tas-sajf ma jgħinux.”



Ma’ dan iżid, “Hawn mhux se tixgħel l-arja kkundizzjonata. Xogħol li fih it-tbatija tiegħu, imma fih ħafna sodisfazzjon. Hawn jiġu bosta barranin. Jaffaxxinaw ruħhom jaraw il-prodott jiġi kkreat hawn fejn il-fran. Anki l-Maltin japprezzawh dan ix-xogħol. Sabiħ li t-turist jixtri u jieħu lura miegħu f’pajjiżu prodott tal-artiġjanat Malti, u t’hekk aħna kburin.”

Il-paġna iżżid, “Għalkemm illum għandna teknoloġija avvanzata, ix-xogħol tal-idejn għadu prezzjuż u jixraqlu apprezzament. Irridu nżommuh ħaj u nieħdu ħsieb dan il-wirt kulturali. B’kollaborazzjoni ma’ INDIS Malta li tamministra Artisan Villages Malta u tipprovdi sapport lil dan il-qasam flimkien mal-Malta Crafts Foundation.”

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI