Tama Lit-Tfal Fit-Tbatija – Tfal Imwielda Bla Jdejn Qed Jirċievu Idejn B'Xejn Prostetiċi

Tfal imwielda bla jdejn qed jirċievu b’xejn idejn prostetiċi (foloz) b’disinji personalizzati. Dan grazzi għal żewġt irġiel li qed jaħdmu minn kamra tal-injam fi ġnien fi Swansea f’Wales.

Stephen Davies u Drew Murray, li jsejħu lilhom infushom ‘Team Unlimbted’, jiddisinjaw dawn l-idejn personalment u jagħtuhom b’donazzjoni lil tfal madwar id-dinja kollha. Minn qabel it-tfal jagħżlu l-kulur u d-disinn tal-id prostetika, u Stephen u Drew jieħdu ħsieb il-kumplament. Permezz ta’ dawn l-idejn it-tfal ikunu jistgħu jgħawġu l-minkeb u jiftħu u jagħlqu jdejhom f’ponn biex jaqbdu l-affarijiet. Stephen li huwa enġinier, huwa missier ta’ tifel li twieled bla id. Huwa kien iddiżappuntat bl-id prostetika li ibnu ngħata minn sptar fir-Renju Unit. Wara li għamel riċerka huwa sar jaf bi grupp volontarju bl-isem ta’ Keynes li jagħmlu jdejn prostetiċi lit-tfal. Ibnu kien tassew kuntent b’din l-id ġdida. Stephen ingħaqad ma’ Keynes biex flimkien itejbu d-disinn tal-idejn u b’hekk inħoloq ‘Team Unlimbted’. Kull id tiswa anqas minn $26 f ’materjal u madwar 12-il siegħa xogħol biex tinħadem. “Mhux l-eroj kollha jilbsu l-mantell.” Din hija s-slowgan ta’ ‘Team Unlimbted’





Mill-banda l-oħra, kif kulħadd jaf, ħafna drabi l-kimoterapija tħalli lill-pazjenti bla xagħar u li b’hekk ikollhom bżonn jilbsu parrokka. Iżda l-ġilda tal-pazjenti ċkejknin li qed jiġġieldu l-kankru, hija sensittiva wisq biex jilbsu parrokka normali.

Kien għalhekk li żewġ ommijiet mill-Alaska waqqfu organizzazzjoni volontarja li jagħmlu parrokki speċjali lil dawn it-tfal. Il-proġett, li jġib l-isem ‘The Magic Yarn Project’, ispirat mill-prinċipessi ta’ Disney, jagħti ċ-ċans lit-tfal li jagħżlu l-parrokka li jixtiequ huma u l-voluntiera jġibu l-maġija u l-immaġinazzjoni ta’ dawn iċ-ċkejknin f’realtà billi jagħmluhielhom. Dawn il-parrokki huma magħmulin kompletament minn suf fin, artab u kkulurit, u huma komdi u siguri biex tilbishom, filwaqt li jġibu tbissima fuq fomm dawn it-tfal.



Naf li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil tfal f’sitwazzjonijiet simili t’hawn fuq u ħafna oħrajn bħalhom imxerrdin mad-dinja kollha. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex kull persuna jkollha opportunità li tgħix ħajjitha b’dinjità. Agħmel kuntatt magħna jekk tixtieq tgħin. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn Facebook jew fuq 2123 6962. Grazzi mill-qalb.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI