Team Malta Jkompli Jikseb Suċċessi Fl-Artistic Swimming Waqt It-Tazza Tad-Dinja Fi Spanja

L-atleti Maltin tal-artistic swimming komplew juru l-potenzjal tagħhom fuq il-palk internazzjonali hekk kif kisbu riżultati impressjonanti fir-raba’ Tazza tad-Dinja tal-Artistic Swimming li saret f’Pontevedra, Spanja.

L-aktar prestazzjoni notevoli waslet mingħand Zea Montfort, li kisret ir-rekord nazzjonali Malti u stabbiliet ukoll l-aqwa prestazzjoni personali tagħha fil-kompetizzjoni Women’s Solo Free. Il-punteġġ ta’ 214.3188 punt ippermettilha tispiċċa fit-13-il post fost livell għoli ħafna ta’ kompetituri internazzjonali.

Montfort kompliet tibni fuq dan is-suċċess fil-kategorija Women’s Solo Technical, fejn kisbet 211.6166 punt u spiċċat fit-12-il post. Dan ir-riżultat huwa l-aqwa klassifika li qatt kisbet atleta Maltija f’din il-kategorija waqt avveniment tat-Tazza tad-Dinja.



Prestazzjoni pożittiva wkoll għal Valentina Marchi, li fil-Women’s Solo Free spiċċat fit-22 post b’182.5363 punt. Min-naħa tagħha, Emily Ruggier impressjonat fil-Women’s Solo Technical, fejn ikklassifikat fit-18-il post minn total ta’ 29 atleta, wara li kisbet 198.7050 punt.



Matul il-kompetizzjoni, Marchi u Ruggier kienu akkumpanjati mill-kowċ tagħhom, Laura Marquez, filwaqt li Montfort qed tkompli tiżviluppa l-karriera tagħha taħt il-gwida tal-kowċ tat-tim nazzjonali, Michelle Hubner.

Dawn ir-riżultati huma xhieda tal-progress kontinwu li qed jagħmel il-programm Malti tal-artistic swimming, kif ukoll tad-dedikazzjoni u l-ħidma kbira tal-atleti u l-istaff tekniku. Prosit lil Team Malta għal dawn il-kisbiet li qed ikomplu jqiegħdu lil pajjiżna fuq il-mappa internazzjonali tal-isport.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI