Fuq il-paġna The People of Malta ppubblikaw intervista li saret ma' Ġużeppa, mara li tħobb is-sempliċità. L-hena tagħha taħdem fl-għalqa, u matul ħajjitha qattgħet ħafna ħin fir-razzett.
"Ma rridx il-lussu. Ħajja sempliċi rrid. Ittinix nilbes sabiħ u mmur ir-Rabat jew f’xi pjazza. Tini xi furkettun jew mgħażqa u nintefa' l-għalqa, għall-kwiet. Immur fejn it-tiġieġ, fejn in-nagħaġ, indur mal-klieb u l-qtates, nitma' lill-papri. Hekk inqattagħha l-ġurnata. Tiġix tistaqsini biex nagħtik annimal ħa toqtlu u tieklu. Insiha. Inbus lilhom u ma nbusx lin-nies."
Lil dawn il-ħlejjaq innoċenti tħobbhom b'imħabba kbira u dejjem sabet kumpanija onesta fihom. "L-annimali huma l-għaxqa ta’ qalbi... Niftakarni mmur ngħin lil missieri fl-għelieqi. L-għaxqa tiegħi ninżel miegħu nagħżaq. Illum nibki biex immur nista’ nagħżaq imma ma nistax immur għax inbati mill-artrite."
Ġużeppa tkompli, "Lili mhux se tarani bilqiegħda jew b'idejja fuq żaqqi. Il-ħin kollu għaddejja. Il-ħajja tal-lum differenti mill-Imgħoddi. Veru trabbejt fit-tbatija, b’kisra ħobż u ġieli żebbuġa waħda x’nieklu, imma xorta aħjar mil-lum. Batejna imma konna kuntenti. Illum lanqas jekk ikollhom l-ilma jiżfen ma jkunu kuntenti."