Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ħabbru li s-Sibt, 21 ta’ Ġunju 2025, se tittella’ it-12-il edizzjoni tal-Festival tat-Tin fil-pjazza ewlenija tax-Xagħra, Għawdex. Dan il-festival sar appuntamenti stabbli fil-kalendarju kulturali ta’ Għawdex u joffri spazju fejn jiġu ċċelebrati l-biedja, il-kultura, u t-tradizzjonijiet lokali.
Ix-Xagħra toffri l-ambjent ideali għal dan il-festival minħabba l-abbundanza ta’ siġar tat-tin, grazzi għal ħamrija li toffri kundizzjonijiet eċċellenti għat-tkabbir tagħhom. Huwa għalhekk li dan ir-raħal għażiż qed ikompli jikkonferma ruħu bħala l-post naturali għal dan il-festa agrikola.
Il-Ministru Clint Camilleri qal, “Bħala Gvern, nibqgħu kommessi li nappoġġjaw inizjattivi bħal dawn li jsaħħu l-identità kulturali u agrikola ta’ Għawdex, filwaqt li jattiraw aktar viżitaturi lejn il-gżira matul is-sena kollha.” Huwa faħħar ukoll il-ħidma tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali, li qed jittrasforma lil Għawdex f’destinazzjoni attiva b’attivitajiet varji u mfassla għall-familja kollha.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali tax-Xagħra talli għamel użu għaqli mill-fondi allokati għall-attivitajiet kulturali, “Dawn l-inizjattivi huma prova ċara ta’ kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jżommu ħajjin it-tradizzjonijiet u l-wirt kulturali tagħna. Il-Gvern se jkompli jħeġġeġ u jappoġġja dan it-tip ta’ proġetti.”
Il-Festival tat-Tin se jkun qasam vibranti ta’ esperjenzi – mill-agrikoltura għall-artiġjanat, mill-kultura għall-mużika – u se jippreżenta artisti lokali u internazzjonali. Huwa festival għal kulħadd, li jpoġġi lis-soċjetà fiċ-ċentru u jħares lejn il-futur b’viżjoni ċara.
L-attività qed tittella’ bis-saħħa ta’ fondi mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, kif ukoll mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali.
Għal aktar dettalji dwar dan u avvenimenti oħra f’Għawdex, tista’ żżur is-sit https://eventsingozo.com/events/ jew iniżżel l-app uffiċjali minn https://eventsingozo.com/mobileapp/.