Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar proġett imexxi minn Housing Projects Solutions Ltd (HPS) li għaddejjin b’xogħlijiet ta’ tisbiħ u rinnovazzjoni fuq 16-il blokka residenzjali fiż-Żejtun, li jinkludu total ta’ 16-il entratura u 96 appartament, b’investiment ta’ €880,000.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan l-investiment huwa parti mill-ħidma kontinwa biex titjieb il-kwalità tal-akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna u li se jara li minnu se jgawdu mitt familja.
“L-investiment fil-housing soċjali ma jieqafx mal-bini ta’ appartamenti ġodda, iżda jinkludi wkoll il-manutenzjoni u t-titjib tal-binjiet eżistenti. Irridu niżguraw li r-residenti jgħixu f’ambjent aktar dinjituż, sigur u miżmum tajjeb. Permezz ta’ interventi bħal dawn qed inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ispazji residenzjali u nagħtu attenzjoni lill-bżonnijiet tal-komunitajiet tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-blokok residenzjali jinsabu f’Dawret Ħal-Tmiem, Wesgħet tal-Usif u Misraħ Ħal-Tmiem. Permezz ta’ dan il-proġett qed isir intervent biex titjieb id-dehra esterna u l-kundizzjoni ġenerali tal-binjiet, b’benefiċċju dirett għar-residenti u għall-komunità tal-madwar.
Bħala parti minn dawn ix-xogħlijiet, il-kisi eżistenti tal-faċċati qed jitneħħa u jinbidel b’kisi tal-ġebel, sabiex il-binjiet jingħataw dehra mġedda u finitura esterna aħjar.
Ix-xogħlijiet bdew fil-bidu ta’ Mejju tal-2026 u bħalissa għadhom għaddejjin. S'issa sar progress fuq il-blokok residenzjali kollha, filwaqt li għad fadal erba’ blokok biex jitlestew. Il-proġett huwa skedat li jitlesta sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2026.
Dan il-proġett jingħaqad ma’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni ta’ Housing Estates eżistenti li qed isiru f’diversi partijiet oħra ta’ pajjiżna.
Għal din iż-żjara kienu preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Housing Projects Solutions, il-Perit Thomas Tanti, iċ-Ċermen tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker, s-Sindku taż-Żejtun Joan Agius u membri tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun.