Ilbieraħ Malta lagħbet logħba oħra ta’ kwalifikazzjoni għall-World Cup, din id-darba pajjiżna kellu l-qawwa tal-Olanda li rnexxielhom jirbħu kontra Malta bl-iskor ta’ 8-0. Skor li kien kemmxejn kbir, iżda xi ħaġa li laqtet lil bosta kienet tmur lil hinn mill-prestazzjoni li ta t-tim Malti.
Qabel kull logħba jindaqq l-innu nazzjonali tal-pajjiż, u jidher biċ-ċar li l-plejers Maltin m’għandhomx ħjiel tal-Innu Malti miktub minn Mro. Robert Sammut mal-kliem ta’ Dun Karm Psaila. Hi tassew ħasra li fuq skala internazzjonali, jinstema’ l-Innu Malti iżda l-plejers tal-pajjiż ma jkantawx miegħu.
Il-preżentatriċi u attriċi lokali, Eileen Montesin, tagħmel appell sabiex il-plejers li qed jirrappreżentaw lil Malta jitgħallmu l-Innu Malti, biex qabel kull logħba li tintlagħab, huma jkantaw miegħu mill-qalb. L-Innu Malti hu talba mill-isbaħ — forsi jġibilna xi ftit fortuna wkoll jekk il-plejers jitgħallmuh u jkantawh mill-qalb.
Facebook / Eileen Monstesin