Kmieni dalgħodu, ġriet l-aħbar fuq il-mezzi soċjali, li ġiet nieqsa Mary Azzopardi. Mary tiġi omm il-preżentatur Peppi Azzopardi. Fost dawk li għaddew il-kondoljanzi tagħhom insibu lil Maria La Barokka Muscat fejn kitbet, “Nixtieq nagħti l-kondoljanzi lil Peppi Azzopardi, oħtu Yvette Camilleri u l-familja kollha wara li ħallietna ommhom Mary Azzopardi.”
Hi tkompli, “Mara ħelwa mmens li għandi memorji sbieħ tagħha meta għal snin kont fit-tim ta’ Xarabank, kont żgħira u Mary dejjem b’dik it-tbissima, u tieħu nteress fis-suġġetti li konna niddiskutu… u kellha librerija mimlija tapes ta’ Xarabank, u qtugħ mill-gazzetti… mara brava, ħelwa u umli. Yvette u Peppi għamiltu ħafna biex tajtuha ħafna dinjità u mħabba meta nħakmet mid-dimensja. Strieħ fis-sliem għażiża Mary.”
Angie tgħid, “Kont qisek il-mamà tal-kumpanija kollha! Dejjem tieħu ħsibna. Dejjem tirrekordja kull ħaġa li nkunu qed nagħmlu u żżomm rikordju ta’ kull fejn nidhru. Tiġi ħdejna tirrakkontalna xi storja u tirrabja naqra għax qed naħdmu żżejjed. Kull ġimgha meta nkun għand Yvette Camilleri kont tiġi ħa tara x’kulur ser nagħmel f’xahri… u għalik kollox kien jixraqli għax int dejjem tfaħħarni qisni jien ukoll kont it-tifla tiegħek. Kont tħobbha wisq il-familja. Grazzi ta’ kollox Mary. Mhux ser ninsiek.”
F’isem it-tim ta’ Gwida.mt, insellmu l-memorja tagħha u ngħaddu l-kondoljanzi tagħna lill-familjari kollha tagħha. Strieħ fis-sliem Mary u kompli ħares lill-għeżież tiegħek minn fejn tinsab. Kuraġġ lill-maħbubin tagħha kollha.
Facebook / Yvette Camilleri