Tough luck jerġa’ jirritorna għat-tielet staġun tiegħu. Dwar dan ma setax jonqos li nitkellmu mal-produttriċi u l-preżentatriċi tal-programm, Angie Laus. Filwaqt li tesprimi s-sodisfazzjon tagħha li Tough Luck reġa’ ntagħżel biex ikun parti mill-iskeda ta' TVM; taqsam magħna xi xewqat esaġerati li jirċievu kif ukoll uħud mill-istejjer li l-parteċipanti se jkunu qed jirrakkuntaw f'din l-edizzjoni.
Niskopru wkoll opinjonijiet ta' angie dwar suġġetti varji fosthom dwar il-eurovision. U għal min ma jafx, ftit tal-ġranet ilu angie saret parrina tan-neputija tagħha asia. Nistaqsuha dwar l-esperjenza tagħha b’dan l-irwol tant ta' responsabbiltà.
View this post on Instagram
Angie, Tough Luck irritorna għat-tielet staġun. Xi jfisser għalik dan?
Naturalment ħadt gost ħafna li l-bord tal-PBS reġgħu għażluh għaliex dan huwa programm li l-logħba tiegħu ġiet ivvintata mill-Maltin għall-Maltin. Nammetti li jien nieħu gost ħafna kemm nipproduċieh u kemm nippreżentah, anke għax warajja hemm tim ta’ persuni li jħobbu Tough Luck daqsi u jaħdmu ħafna fuqu.
Bħas-snin li għaddew, uħud mill-parteċipanti jirrakkuntaw stejjer partikolari. Issemmilna xi waħda jew tnejn li se nkunu qed nisimgħu f'dan l-istaġun?
Għandna diversi nies b’karattru uniku u anke stejjer li ma jitwemnux imma li ġraw veru. Uħud li bikkewna meta smajniehom bħal storja ta’ raġel li tilef lil bintu qabel ma twieldet, proprju ġimgħa wara li żżewweġ, għandna mara li telqet minn Malta għar-raġel tagħha u spiċċat abbużata.
Imbagħad għandna wkoll stejjer ħelwin ħafna bħall-istorja ta' tfajla abbatina, storja ta' mara li applikalha biex tilgħab it-tifel tagħha. Insomma hemm ħafna stejjer sbieħ. Uħud li jġibu tbissima u wħud li żgur se nibku magħhom. Però l-għan tal-programm fl-aħħar mill-aħħar hu li jirbħu diversi rigali kbar, fosthom xi ħaġa li dejjem riedu.
View this post on Instagram
Fost numru ta' applikazzjonijiet li jkollkom għall-programm Tough Luck b'xewqat differenti, ġieli kellkom xewqat li jkunu kbar wisq għal dak li tistgħu toffru intom?
Ħafna wkoll! Ikun hemm min jitlobna post jew villa! Kellna lil xi ħadd li talabna vaganza għall-Awstralja kollox imħallas, però mhux biss għalih imma għal 10 persuni! Imbagħad ikollok dawk li rridu nfehmuhom li aħna ma nagħmlux mirakli, pereżempju li jmorru fuq il-qamar!
Fatt interessanti f'dan l-istaġun huwa dwar il-ħwejjeġ li qed tilbes fil-programm. Għidilna dwar dan...
Din is-sena kellna ħolma li naħdmu ma’ diversi disinjaturi Maltin għaliex napprezzaw ħafna kemm hawn talent fl-industrija tal-moda u naħseb li hu ġust li nuru xogħol ta’ Maltin ukoll. Ħsibna li se tkun biss ħolma imma ppruvajna u rnexxielna!
Fil-fatt se nkun liebsa lbiesi ta’ ħames disinjaturi, jew kumpaniji differenti. Dawn se jkunu Charlesandron, Herman Vassallo, Cessani, Drew and Crew, Parascandolo u Fiona Cutoure. Naħseb li din hija l-ewwel darba li ħames ‘fashion houses’ Maltin ingħaqdu għal programm li mhux abbinat mal-moda. Inħossni onorata ħafna li aċċettaw l-istedina tagħna.
View this post on Instagram
Riċentament sirt parrina tan-neputija tiegħek Asia. Xi jfisser dan l-irwol għalik?
Nammetti li veru xtaqt inkun parrina! Għalija din xi ħaġa importanti immens għaliex din tfisser li xi ħadd qed jafdak biżżejjed li jaf li jekk jinqala xi ħaġa lilu/lilha, lilek jista’ jafdak b’għajnejh magħluqa.
Il-fatt li issa sirt parrina ta’ Asia kuntenta ħafna għax jien u hi veru naqblu! Għandha karattru ferrieħi, tħobb ħafna l-ispettaklu u kreattiva ħafna, però nammetti li hi aħjar minni fejn tidħol vanità. Fil-fatt il-libsa li lbist jien fil-griżma għażlithieli hi!
Minbarra li x-xogħol tiegħek jesiġi li tmur barra minn xtutna, is-safar huwa xi ħaġa li tħobb. Xi jkun l-aktar ta' interess għalik meta ssiefer?
Inħobb niskopri postijiet differenti, nitgħallem min-nies li jgħixu hemm u nieħu naqra break ukoll! Jien turista pura! Inħobb il-mużewijiet, landmarks tal-pajjiżi li nkun fihom, insomma ndur u niġri biex nara l-post li nkun fih kemm nista’.
Ġeneralment wara vaganza tant inkun ġrejt li jkolli bżonn vaganza oħra! Però jien insiefer ħafna fuq xogħol ukoll. Nagħmlu travelling features fuq Ħadd Għalik proprju biex il-Maltin nuruhom postijiet differenti u nħajruhom iżuruhom huma wkoll. Speċjalment għal dawk li forsi ma jsifrux ħafna.
View this post on Instagram
Liema kienet l-isbaħ esperjenza li kellek waqt safra?
Kelli wisq esperjenzi sbieħ! Meta nsiefer għal xi kunċert jew show nieħu gost. Meta nsiefer ma’ Duane u Mick dejjem nieħu gost għaliex naqblu ħafna. Però probabbli li tibqa’ speċjali f’qalbi hi meta mmur f’pajjiżi u nagħmlu missjoni. Ngħix bix-xejn, mingħajr kumdità imma l-ferħ li nsib huwa inkredibbli. Nixtieq ħafna li nkun nista’ nagħmilha kull sena.
Li kieku kellek tagħżel li tippreżenta tip ta' programm li s'issa qatt ma ppreżentajt, fuq xiex ikun?
Diffiċli din għax għamilt game shows bħal Ħadd Għalik u Tough Luck, programm ta' divertiment bħal Pjazza, diskussjonijiet serji u light meta kont mat-tim ta’ Xarabank, jiġifieri għamilt ftit minn kollox. Programm tal-isports qatt m’għamilt! Forsi dak?!
View this post on Instagram
M’huwiex sigriet li, bħal ħafna Maltin, tħobb il-Eurovision. Huma bosta li jgħidu li m’għandniex nibqgħu nieħdu sehem wara li kull sena xi ftit jew wisq niddiżappuntaw irwieħna bir-riżultat. X'inhi l-opinjoni tiegħek dwar dan?
M’għadnix inħobb il-Eurovision daqs kemm kont però nsegwih għadni. Iva bla dubju għandna nibqgħu nieħdu sehem, imma forsi m’għandniex nibqgħu nieħduh b’serjetà qisha ħa taqa’ d-dinja jekk ma mmorrux tajjeb. Wara kollox, dan hu biss spettaklu mill-aqwa.
Dan l-aħħar qed nisimgħu ħafna b'dawn li nsejħulhom influencers. Jinkwetak il-fatt li filwaqt li jistgħu jagħmlu differenza pożittiva, ikun hemm faxxa oħra ta' nies, speċjalment adolexxenti, li jistgħu jiġu affettwati ħażin minħabba li dak li jaraw u jisimgħu jkun ferm differenti mir-realtà tagħhom?
Influencer huwa titlu enormi, jien ma nixtieq qatt li jsejħuli hekk għax il-pressjoni ta' dan it-titlu hija kbira wisq. Għalija influencer mhijiex persuna li tagħmel il-make up, tilbes sabiħ u tippoża.
Dawk għalija huma fashion bloggers u nammetti li hemm minnhom li veru nieħu gost nara r-ritratti tagħhom u huma nies veru ħelwin meta tiltaqa’ magħhom. Però għalija influencers huma nies li jagħmlu l-ġid, li jispirawk biex tgħin lil ħaddieħor, taħfer, u tgħix kuntent anke mingħajr lussu.
View this post on Instagram
Tħoss li l-artisti Maltin huma apprezzati biżżejjed f'pajjiżna?
Hemm min japprezza, imma hemm min hu lest biex ikissrek mal-ewwel żball li tagħmel ukoll. Trid trabbi qoxra iebsa ħafna biex taħdem f’din l-industrija u trid taċċetta li ħa jkun hemm min se jweġġgħak. Però għalkemm min weġġagħni sibt ħafna, bis-saħħa ta’ dan ix-xogħol iltqajt ma’ nies li japprezzaw, nies li mingħandhom tgħallimt ħafna, nies li llum insejħilhom ħbieb. Bħal kollox hemm it-tajjeb u l-ħażin.
X'inhi l-aktar ħaga li għallmitek il-ħajja matul is-snin?
Naħseb l-aktar ħaġa li tgħallimt hi li nipprova nibqa’ kalma anke f’mumenti diffiċli u ma’ nies li jqabbżuhieli. Għallinqas qed nipprova avolja mhux dejjem jirnexxili!
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.
Instagram / Angie Laus