Trab Mis-Saħara Jgħatti Lil Malta Hekk Kif Tkompli S-Sħana Qawwija – Indunajtu B’Dan It-Trab?

Malta tinsab milquta minn trab fin li ġej mid-deżert tas-Saħara, hekk kif kurrenti tar-riħ qed iġorru dan it-trab lejn it-Tramuntana u madwar iċ-ċentru tal-Mediterran. Skont post ippubblikat mill-paġna Aġġornament tat-Temp, ammont konsiderevoli ta’ trab mis-Saħara nġarr lejn it-Tramuntana, laħaq Sqallija u jinsab ukoll fuq il-Gżejjer Maltin. Il-paġna qasmet ukoll immaġni satellitari tan-NASA li turi l-preżenza ta’ dan it-trab fir-reġjun.

Fil-fatt, in-NASA rrappurtat attività sinifikanti ta’ trab fuq l-Alġerija matul dawn l-aħħar jiem, b’immaġni meħuda mis-satellita Terra fl-24 ta’ Awwissu turi sħaba kbira ta’ trab fuq parti estensiva tal-pajjiż. Il-paġna Aġġornament tat-Temp spjegat li din is-sitwazzjoni qed tkompli turi s-saħħa tal-antiċiklun Afrikan, filwaqt li sostna li s-sajf ta’ din is-sena qed ikun wieħed sħun ħafna meta mqabbel ma’ snin oħra.

Is-sħana qawwija bħalissa hija kkonfermata wkoll mit-tbassir lokali. Għal-lum, l-Erbgħa 26 ta’ Awwissu, it-temperatura massima mistennija tilħaq is-36°C, filwaqt li t-temperatura tinħass sa 43°C. Pressjoni għolja qed tippersisti fuq iċ-ċentru tal-Mediterran u twissija oranġjo għas-sħana mistennija tibqa’ fis-seħħ sal-Ħadd.

Skont Aġġornament tat-Temp, għalissa m’hemm l-ebda indikazzjoni konkreta li din is-sitwazzjoni se tmajna, bil-paġna tgħid li bħalissa tinsab fl-aqwa tagħha. It-trab mis-Saħara mhuwiex fenomenu rari għal Malta, b’irjieħ min-Nofsinhar kapaċi jġorru trab lejn il-Gżejjer Maltin u joħolqu kundizzjonijiet aktar imċajpra.

Jidher għalhekk li l-aħħar jiem ta’ Awwissu se jkomplu jkunu kkaratterizzati minn temperaturi għoljin u kundizzjonijiet tipiċi ta’ influwenza Afrikana fuq iċ-ċentru tal-Mediterran.

Ritratti:

Facebook / Aġġornament Tat-Temp

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI