Żewġ Maltin se jkunu qed jiktbu paġna ġdida fl-istorja tat-televiżjoni lokali hekk kif Jeremy Dalli u Mark Vassallo se jkunu qed jidderieġu l-Junior Eurovision Song Contest, waħda mill-akbar produzzjonijiet televiżivi internazzjonali ddedikati lit-talent żagħżugħ.
L-aħbar tħabbret minn Jeremy Dalli permezz ta’ messaġġ mimli entużjażmu fuq il-midja soċjali, fejn żvela li hu u Mark Vassallo se jkunu l-ewwel diretturi televiżivi Maltin li jidderieġu produzzjoni internazzjonali diretta ta’ din l-iskala. Jeremy qasam ukoll ħarsa lejn ix-xogħol li ilu għaddej matul din l-aħħar ġimgħa, hekk kif it-tim qed iħejji ruħu għal din il-produzzjoni prestiġjuża li se tkun segwita minn eluf ta’ spettaturi minn diversi pajjiżi.
"Ħames ijiem oħra għall-Junior Eurovision Song Contest! U iva, se nkunu aħna li nidderieġu l-Junior Eurovision Song Contest!" kiteb Jeremy b'entużjażmu. Huwa kompla jgħid li flimkien ma’ Mark Vassallo se jkunu l-ewwel diretturi Maltin li jingħataw ir-responsabbiltà li jidderieġu produzzjoni internazzjonali diretta ta’ din il-kobor.
"Qed tiġri tassew! Fadal ħamest ijiem. Wasal iż-żmien li nagħtu l-aħjar tagħna!" żied Jeremy. Dan huwa suċċess importanti mhux biss għal Jeremy u Mark fuq livell professjonali, iżda wkoll għall-industrija televiżiva Maltija, hekk kif juri li t-talent u l-professjonalità ta’ pajjiżna jistgħu jilħqu livelli internazzjonali.
B’ħamest ijiem biss għat-tlugħ tas-siparju, iż-żewġ diretturi jinsabu fl-aħħar fażi tat-tħejjijiet għal din l-esperjenza li bla dubju se tibqa’ mnaqqxa fil-karrieri tagħhom. Prosit mill-qalb lil Jeremy Dalli u Mark Vassallo għal dan it-tragward mill-isbaħ! Nawgurawlhom kull suċċess f’din l-avventura internazzjonali li qed tagħmel unur lil Malta!
Facebook / Jeremy Dalli