Permezz ta’ kitba fuq il-grupp publiku TiżWiqA, membru tal-istess grupp Lawrence Gauci qasam kitba nostalġika dwar dak li jħoss x’ħin jara d-dar li trabba fiha.
Hu qal, “Waqaft inħares ċass nara d-dar ta’ ommi u missieri tiġġarraf. Ħassejt dieqa kbira ġo qalbi li daħħlitni f’ħafna memorji ta’ tfuliti. Dħalt fl-intrata u smajt lil ommi tgerger u tgħdi lil missieri biex jiżboħ il-faċċata għax daqt tasal il-festa u smajt lil missieri jġib mitt argument li ma kelliex bronn tinżebaħ biex jeħles mill-intrigu. Kollu ta’ xejn dik is-sena kienet ser tgħaddi l-Madonna minn quddiemna. Lil ommi rajtha taqla’ ix-showcase u tnaddaf il-linfa tal -kristall f’nofs il-is-salott maġenb l-intrata. Dħalt fil-garaxx, qabżitli demgħa u ħassejt l-istess weġgħa ta meta wassalt lil missieri l-isptar u qalli li ma kienx se jiġi lura.”
Żied jgħid, “Imbagħad dħalt fil-kamra tas-sodda tal-erba’ ħuti bniet, rajthom sejrin l-iskola nodfa u puliti. Rajthom jilagħbu ż-żibeġ fil-bitħa kbira li kellna. U lil ommi b’banju taż-żingu kbir quddiemha mimli bil-ħwejjeġ u rawa bajda tas-sapun taċ-ċavetta waqt li tgħanni u togħrok il-ħwejjeg għad-dell ta’ taħt id-dielja. Rajt lili innifsi rieqed waħdi b’turrun kutri fuqi fl-aħħar kamra tad-dar, imgezzez beżgħan nisma’ l-ħsejjes strambi ġejjin mill-għelieqi u l-beraħ ta’ warajna. Rajt lil ommi fil-kċina tħawwad il-kejk b’idha u lili u lil ħuti mdawrin mal-mejda nistennewha tlesti biex inlaqqtu l-borma b’subgħajna. X’memorji! X’nostalġija! Ħajja sempliċi mimlija kuntentizza.”
TiżWiqA