Wara disa’ snin ta’ ħidma, wasal il-mument li l-Kan. Michael Zammit itemm il-missjoni tiegħu bħala Kappillan tal-parroċċa. F’dan il-mument, il-Fratellanza għażlet li tfakkar il-memorji sbieħ u, fuq kollox, tirringrazzjah tal-kontribut li ħalla warajh.
Kien proprju bis-saħħa tal-ħidma tiegħu li l-Fratellanzi tal-parroċċa reġgħu ngħataw il-ħajja, u matul dawn is-snin inħolqu bosta esperjenzi li se jibqgħu għal qalb dawk kollha li għexuhom.Fost il-mumenti importanti hemm iż-żewġ ġemellaġġi ma’ Amalfi u Gricignano, l-introduzzjoni ta’ festi u ċelebrazzjonijiet ġodda, ir-restawr ta’ kwadri, kif ukoll proġetti marbuta mal-armar u t-tiżjin tal-knisja.
Ma jonqsux lanqas il-proġetti kbar li tlestew matul il-parrokat tiegħu, fosthom ix-xogħol fuq l-apside u s-saqaf tal-kor, il-linef il-kbar u l-Festa ta’ Kristu Rxoxt. Għall-Fratellanza, dawn mhumiex biss proġetti u inizjattivi, iżda memorji ta’ snin ta’ kollaborazzjoni, rispett u ħidma flimkien.
Issa, il-komunità tilqa’ lill-Kan. Leonard Mintoff bħala l-Kappillan il-ġdid, filwaqt li lil Kan. Michael Zammit tibqa’ tgħidlu grazzi minn qalbha.
Facebook/Fratellanza Santissimu Sagrament – Ħal Luqa A.D. 1634