Tifla li fil-jiem li ġejjin se tagħmel l-Ewwel Tqarbina tagħha qed tħalli messaġġ li mess il-qlub ta’ ħafna Maltin, hekk kif appell sempliċi iżda mimli emozzjoni qed jinfirex fuq il-midja soċjali. Amy, li qed tħares ’il quddiem għal wieħed mill-isbaħ jiem ta’ ħajjitha, qalet li bis-saħħa tal-ġenerożità tan-nies se tkun tista’ tgħix din il-ġurnata “bħat-tfal l-oħra kollha”.
Fil-messaġġ li qasmet Josette Busuttil, viċi sindku ta’ Birżebbuġa, Amy irringrazzjat lil kull min diġà offra l-għajnuna tiegħu sabiex ikollha libsa diċenti għall-okkażjoni speċjali tagħha. “Minn qalbi nixtieq ngħid grazzi lil kull min qed jgħinni. Grazzi għalikom mhux biss ser ikolli libsa diċenti, imma ser inkun nista’ ngħix dan il-jum sabiħ bħat-tfal l-oħra kollha komplut,” kitbet Amy.
Madankollu, fost il-ferħ ta’ dan il-mument, Amy qasmet ukoll xewqa oħra li għandha għal ommha, Carmen. Hi appellat lil kull min forsi għandu libsa żejda li tista’ tintlibes minn ommha sabiex anke hi tkun tista’ tħoss ruħha sabiħa u komda fil-jum tant importanti għal bintha.
“Tkun tassew sabiħa li wara tant maltemp, tiddi ftit xemx fil-jum speċjali tiegħi,” kompliet tgħid fit-talba emozzjonanti tagħha. Dawk li jixtiequ jgħinu jistgħu jċemplu fuq 9811 2532. Il-messaġġ intlaqa’ b’ħafna kummenti ta’ sostenn u bosta persuni diġà qed ixerrdu l-appell bit-tama li Amy u ommha jkollhom il-ġurnata sabiħa li jistħoqqilhom.