Xelter Storiku Fiż-Żurrieq Jerġa’ Jiftaħ Għall-Pubbliku U Se Jintuża Għal Diversi Attivitajiet

Xelter storiku fiż-Żurrieq reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku wara li l-proprjetà ġiet trasferita mill-Awtorità tal-Artijiet lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq b’kera għal perjodu ta’ ħames snin.

Ix-xelter, li jinsab f’Nru 1, Triq il-Kbira, ikopri medda ta’ madwar 57 metru kwadru. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Lokali issa se jkun responsabbli mill-ħarsien, il-manutenzjoni u l-konservazzjoni tiegħu bħala parti mill-wirt storiku u kulturali tal-lokalità.

Is-sit mhux biss ifakkar f’perjodu importanti mill-istorja ta’ pajjiżna u fl-esperjenzi ta’ dawk li għexu ż-żminijiet tal-gwerra, iżda jista’ jintuża wkoll bħala spazju edukattiv u komunitarju. Fil-fatt, hemm il-ħsieb li fih jiġu organizzati diversi attivitajiet għall-pubbliku.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici sostna li inizjattivi bħal dawn jistgħu jagħtu ħajja ġdida lil siti storiċi u jagħmluhom aktar aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

“Dan il-proġett juri kif, permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-entitajiet governattivi u l-kunsilli lokali, nistgħu nagħtu ħajja ġdida lil siti storiċi u nagħmluhom spazji ta’ tagħrif, edukazzjoni u benefiċċju għall-komunità,” qal il-Ministru Bonnici.

Min-naħa tagħha, is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima spjegat li x-xelter seta’ jerġa’ jinfetaħ wara li sar ix-xogħol ta’ tindif meħtieġ.

“Aħna kuntenti li dan ix-xelter storiku reġa’ ngħata l-ħajja. Issa li sar it-tindif meħtieġ, il-poplu taż-Żurrieq se jkun jista’ jżuru u jgawdih, filwaqt li nkunu nistgħu norganizzaw ukoll attivitajiet fih,” qalet is-Sindku.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI