Ir-razziżmu sfortunatament għadu preżenti fis-soċjeta tagħna, u aktar ma jgħaddi aktar tiżdied il-ħtieġa ta’ għarfien dwar dan, qabel ma jkompli jkun tard wisq. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħha, l-Aġent President Helena Dalli qasmet messaġġ rigward ir-razziżmu u dwar kif kull wieħed u waħda minna huwa responsabbli.
Qalet, “Għandna l-ħila nifhmu t-tbatija ta’ ħaddieħor, nagħrfu l-biża’ f’għajnejh u nagħżlu li nieqfu. Għalhekk kerha l-moħqrija meta, b’din il-ħila kollha, bniedem jagħżel li jweġġa’ u joqtol lil min ma weġgħux; lil min lanqas biss jafu.”
Żiedet, “Hemm moħqrija li ġġiegħlek tistaqsi kif bniedem jista’ jħares lejn bniedem ieħor u ma jara fih xejn għajr mira li jista’ jolqot. Meta d-disprezz jasal biex il-biża’ ta’ ħaddieħor issir għajn ta’ pjaċir, inkunu quddiem ċaħda tal-umanità nnifisha.”
Temmet tgħid, “Xi jġiegħel bniedem jaħbat għal persuna li ma għamlitlu xejn, li lanqas tafu, li m’għandha ebda raġuni tistenna l-ħażen mingħandu? Kif tista tħossok b’saħħtek ma min ma jistax jiddefendi lilu nnifsu? Ir-responsabbiltà li nħarsu lejn ir-razziżmu fostna, u lejn dak li jħallih jikber, u li naħdmu kontrih, hija tagħna lkoll.”
Helena Dalli