Graziella Darmanin, li ħafna saru jafuha permezz tal-programm Come Dine With Me, tkellmet b’mod apert wara numru ta’ kummenti li saru b’reazzjoni għal filmat tagħha ppubblikat mill-programm Sibtek. Graziella qalet li proprju dawn it-tip ta’ reazzjonijiet huma waħda mir-raġunijiet għaliex ħafna nies jibżgħu jitkellmu pubblikament dwar is-separazzjoni u dak li jkunu għaddew minnu.
“Din hija r-raġuni għaliex ħafna nies ma jitkellmux pubblikament dwar kwistjonijiet ta’ separazzjoni… minħabba l-ġudizzju kontinwu ta’ nies li jippretendu li jafu kollox! U t-tabù jkompli,” kitbet. Hija sostniet li għadha teżisti mentalità fejn persuna li tissepara donnha mistennija tibqa’ waħedha, jew saħansitra tibqa’ fi żwieġ li fih ma tkunx kuntenta.
Graziella indirizzat ukoll l-assunzjonijiet li saru dwar il-fatt li llum tinsab f’relazzjoni. Skont hi, kien hemm min awtomatikament ikkonkluda li ż-żwieġ tagħha spiċċa minħabba s-sieħeb attwali tagħha. “L-aktar ħaġa tad-daħk hi li qed jassumu li għax illum għandi sieħeb, iż-żwieġ tagħna spiċċa minħabba fih. Min qalilhom hekk?” staqsiet.
Graziella kompliet tisħaq li t-tmiem ta’ relazzjoni ma jfissirx li persuna għandha tibqa’ waħedha għall-kumplament ta’ ħajjitha. Hija spjegat ukoll li separazzjoni mhijiex deċiżjoni faċli u li, fil-każ tagħha, saru diversi tentattivi biex iż-żwieġ jibqa’ għaddej. “Relazzjoni tista’ tintemm. Żwieġ mhuwiex sentenza għal għomrok, u ħadd ma jieħu gost jgħaddi minn separazzjoni u jkollu jerġa’ jibda ħajtu mill-ġdid. U iva, bqajna nippruvaw u nippruvaw, iżda xi drabi trid tħalli,” kitbet.
Fl-aħħar nett, Graziella rringrazzjat lil dawk kollha li qabżu għaliha fil-kummenti, kif ukoll lis-segwaċi tagħha għall-appoġġ li kontinwament juruhielha. Il-messaġġ tagħha jmiss ma’ realtà li jgħaddu minnha diversi koppji u familji, u fuq kollox mal-ġudizzju li xi kultant għadu jdawwar id-deċiżjoni li żwieġ jew relazzjoni jaslu fi tmiemhom.
Facebook / Graziella Darmanin