Il-kantant lokali Kevin Borg reġa' ta eżempju sabiħ ta' solidarjetà billi ta d-demm għad-disa' darba, ġest li jista' jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta' persuni fil-bżonn.
Fuq il-midja soċjali, Kevin qasam ritratt miċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm flimkien ma' messaġġ li juri kemm jemmen fl-importanza ta' dan l-att altruistiku.
Huwa kiteb: "Id-disa' darba tiegħi nagħti d-demm. Grazzi lill-infermiera kollha ddedikati li huma tassew professjonali f'dak li jagħmlu. Nittama tassew li l-ġest tiegħi llum jista' jgħin lil xi ħadd fil-bżonn. Inħeġġiġkom ilkoll biex tagħmlu l-istess."
Fl-istess ħin, huwa għamel appell lil kulħadd biex, jekk jista' u huwa eliġibbli, jikkunsidra li jagħti d-demm ukoll. Donazzjoni waħda tista' tkun ta' għajnuna kbira għal pazjenti li jkunu għaddejjin minn operazzjonijiet, trattamenti mediċi jew emerġenzi.
Prosit tassew lil Kevin Borg.