Il-paġna tal-Ajruport ta' Malta ħabbret li minn nhar it-Tnejn 6 ta’ Lulju se jidħlu fis-seħħ ħinijiet ġodda għall-ispiżerija tal-Ajruport. Permezz ta’ avviż fuq il-midja soċjali, l-ajruport spjega li l-ispiżerija se tkun miftuħa kuljum bejn is-7:00 ta’ filgħodu u nofsillejl.
Dan il-ħin estiż se japplika mhux biss matul il-ġimgħa, iżda wkoll il-Ħdud u l-festi pubbliċi, biex ikun jista’ joffri servizz aktar aċċessibbli lill-passiġġieri u lill-viżitaturi tal-ajruport. Il-bidla mistennija tkun ta’ għajnuna għal dawk li jkollhom bżonn mediċini jew prodotti essenzjali qabel jew wara t-titjira tagħhom, speċjalment matul l-istaġun tas-sajf, meta l-ajruport jesperjenza żieda sostanzjali fit-traffiku tal-passiġġieri.
Iżda mhux biss, dawk li forsi jkollhom bżonn xi ħaġa fit-tard se jkunu jistgħu jinqdew ukoll. Il-ħinijiet il-ġodda se jibdew japplikaw uffiċjalment minn nhar it-Tnejn 6 ta’ Lulju.
Facebook / Malta International Airport